Wednesday, April 1, 2026

Christian McClean … jittrasferixxi mentalità u kwalità rebbieħa biex Swieqi Phoenix Handball Club jibqgħu fuq nett

Aqra wkoll

Huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar is-suċċess riċenti ta’ Swieqi Phoenix Handball Club mingħajr ma jsemmi l-isem ta’ Christian McClean. Figura ċentrali u sinonima ma’ esperjenza, McClean kompla jsaħħaħ il-kurrikulu tiegħu fl-istaġun 2025/2026 billi mexxa lit-tim lejn staġun ieħor storiku flimkien ma Orlando Bonnici u Mladen Ivanovic, fejn rebħu l-Kampjonat Nazzjonali tal-Handball lokali.

Dan is-suċċess, iżda, ma ġiex b’kumbinazzjoni. Huwa frott ta’ snin ta’ xogħol, konsistenza u mentalità rebbieħa li McClean kellu kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ Bħala captain flimkien ma Clinton Mifsud u player-coach, ir-rwol tiegħu kien jinvolvi li jipprepara t-taħriġ ta’ kull ġimgħa matul dan l-istaġun.

F’intervista li ta lil dan is-sit, McClean stqarr li dan il-kampjonat kellu tifsira ferm aktar profonda minn sempliċi titlu ieħor. “Dan kien kampjonat speċjali għalina. Meta tħares lejn l-aħħar snin, irbaħna sitt kampjonati mill-aħħar seba’ staġuni. Kieku ma kienx hemm il-COVID, probabbilment konna nkunu wasalna għal sebgħa minn tmienja,” qal b’sens ta’ sodisfazzjon.

Din id-dominanza mhijiex biss statistika, iżda riflessjoni ta’ proġett sportiv mibni fuq pedamenti sodi. McClean enfasizza kif kull sena qed issir aktar diffiċli biex iżżomm dan il-livell. “Il-kampjonat qed jitjieb kontinwament. Klabbs oħra qed jinvestu u jitjiebu, u għalhekk kull partita ssir sfida vera.”

Waħda mill-aktar affarijiet li ħarġu minn kliemu kienet l-importanza ta’ skwadra twila. Skontu, il-fatt li Swieqi Phoenix Handball Club għandhom skwadra estensiva u kompetittiva jagħmel differenza kbira. “L-ammont ta’ plejers li għandna jagħtina vantaġġ. Kull plejer kellu rwol importanti u kulħadd ta wirjiet tajbin matul l-istaġun.”

Dan l-ispirtu kollettiv jidher li huwa wieħed mis-sigrieti ewlenin tas-suċċess. McClean ma qagħadx lura milli jenfasizza li t-titlu ma kienx frott individwali, iżda riżultat ta’ ħidma ta’ tim magħqud. “Naħseb li l-iktar ħaġa importanti hija li l-plejers kollha taw kollox. Kien hemm konsistenza u impenn minn kulħadd.”

Interessanti wkoll kif semma l-isfidi interni li kellhom jaffaċċjaw. Fl-aħħar sentejn, il-klabb għadda minn diversi bidliet fil-coaching staff, sitwazzjoni li normalment tista’ tfixkel l-istabbiltà ta’ tim. Madankollu, it-tim irnexxielu jibqa’ ffukat u jżomm il-livell għoli tiegħu.

“Il-coaching team kien magħqud ħafna minkejja l-bidliet. Dan kien kruċjali biex inżommu direzzjoni ċara,” spjega. Dan juri kemm il-mentalità u l-kultura tal-klabb huma importanti, aktar minn kwalunkwe individwu wieħed.

Il-filosofija ta’ McClean bħala player-coach hija mibnija fuq logħob veloċi u aggressività fid-difiża. Iżda lil hinn mill-aspett tekniku, huwa jemmen bis-sħiħ fl-iżvilupp tal-plejers lokali. Il-mudell ta’ Swieqi Phoenix Handball Club dejjem kien wieħed li jgħaqqad talent Malti ma’ plejers barranin ta’ esperjenza, u dan il-bilanċ qed jagħti riżultati konkreti.

Aspett ieħor li jagħmel lil Christian McClean figura tant rispettata huwa l-mod kif jirnexxielu jmexxi mhux biss permezz tal-kliem, iżda bl-eżempju. Anke f’mumenti diffiċli jew f’logħbiet bilanċjati, huwa jibqa’ wieħed mill-aktar plejers kalmi u determinati fil-pitch, karatteristika li tinfirex fuq sħabu. Din il-preżenza tiegħu tagħti ċertu sigurtà lit-tim, speċjalment f’fażijiet kruċjali tal-logħob.

Importanti wkoll huwa r-rispett li jgawdi kemm mill-plejers tiegħu kif ukoll mill-avversarji. Dan ma ġiex b’kumbinazzjoni, iżda huwa riżultat ta’ snin ta’ konsistenza, professjonalità u dedikazzjoni lejn l-isport. Mhux biss plejer eċċellenti, iżda wkoll ambaxxatur veru tal-handball f’Malta, li jkompli jħalli impatt pożittiv fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.

Is-suċċess ta’ dan l-istaġun mhux biss jikkonsolida l-istatus tal-klabb bħala forza dominanti, iżda jpoġġih ukoll bħala wieħed mill-aktar proġetti sportivi sostenibbli fil-pajjiż. Il-fatt li rnexxielhom iżommu livell għoli għal perjodu twil huwa xhieda ta’ kemm il-viżjoni tagħhom hija ċara u effettiva.

Għal McClean, dan il-kampjonat huwa wkoll parti minn storja akbar. “Dan huwa tragward importanti mhux biss għalina bħala tim, iżda għall-istorja tal-klabb u anke tal-handball Malti,” qal. U tassew, ftit huma t-timijiet li rnexxielhom jiddominaw sport b’dan il-mod fuq medda ta’ snin.

Hekk kif il-kompetizzjoni qed tkompli tiżdied u l-livell tal-handball Malti qed jogħla, l-isfida għal Swieqi Phoenix Handball Club se tkun li jkomplu jadattaw u jġeddu. Iżda jekk hemm ħaġa waħda ċerta, hija li b-individwi bhal Christian McClean u u shabu, dan it-tim għandu l-mentalità u l-kwalità biex jibqa’ fuq nett.

Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tagħhom ma jitkejjilx biss fit-trofej, iżda fil-kultura rebbieħa li bnew fatt li jagħmel minn dan il-klabb wieħed mill-aktar eżempji ċari ta’ eċċellenza sportiva f’Malta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport