Saturday, December 13, 2025

Christmas in the Park b’attrazzjonijiet ġodda fil-Park tas-Salina

Aqra wkoll

Mill-bieraħ filgħaxija nfetħet uffiċjalment il-ħames edizzjoni ta’ Christmas in the Park, fil-Park Nazzjonali tas-Salina, f’San Pawl il-Baħar.

Din is-sena, dan l-avvenniment popolari ta’ żmien il-Milied, qed jittella’ b’attrazzjonijiet ġodda u b’kalendarju mimli attivitajiet u artisti lokali. Waqt il-ftuħ tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Dr Miriam Dalli, ħeġġet lill-familji, żgħażagħ u anzjani jżuru l-attrazzjonijiet u jgawdu mill-esperjenzi ġodda li ġew preparati.

Dawn il-bidliet huma mfassla biex itejbu l-esperjenza tal-viżitaturi, filwaqt li jippromwovu l-importanza tas-sostenibbiltà ambjentali.

“Avvenimenti pubbliċi bħall-Christmas in the Park ikomplu jlaqqgħu n-nies flimkien sabiex igawdu l-ispazji miftuħa filwaqt li jitgħallmu aktar dwar is-sostenibbiltà. Inħeġġu lill-familji biex jingħaqdu magħna fil-Park Nazzjonali tas-Salina biex jesploraw prattiċi sostenibbli filwaqt li jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-għeżież tagħhom. Fix-xhur li ġejjin, ser inkomplu naħdmu sabiex noħolqu aktar spazji pubbliċi għal kulħadd, filwaqt li nsaħħu l-impenn tagħna favur l-protezzjoni ambjentali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-viżitaturi u t-tfal għandhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ Santa Klaws, jesperjenzaw ir-realtà virtwali, jieħdu sehem f’logħob u krafts u jduqu x-xorb, l-ikel u l-ħlewwiet tradizzjonali tal-Milied. Ser ikun hemm ukoll divertiment fuq il-park prinċipali minn diversi artisti lokali.

Il-passaġġ imdawwal ser ikun aktar spettakolari minn qatt qabel, b’siġar mixgħulin, strutturi tal-annimali kbar tad-dawl u dettalji li joħolqu atmosfera verament maġika.

Apparti d-divertiment, wieħed jista’ jsib ukoll diversi stands ta’ informazzjoni minn entitajiet bħal Saving Our Blue, id-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Circular Economy Malta, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Project Green, Wasteserv, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, id-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika u l-Manutenzjoni, u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li permezz ta’ attivitajiet u logħob edukattivi qed ikomplu jwasslu l-messaġġ favur l-ħarsien tal-ambjent u s-sostenibbiltà.

Christmas in the Park huwa miftuħ sal-21 ta’ Diċembru. Il-ħinijiet tal-ftuħ matul il-ġimgħa, huma mill-5pm sad-9pm, filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi se jkun miftuħ min-12:30pm sad-9pm.

Id-dħul huwa b’xejn.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport