Friday, December 13, 2024

Christmas Markets madwar id-dinja “mhedda” mill-Coronavirus

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi 

Ninsabu f’Novembru u bħal dan iż-żmien il-Christmas markets kienu jkunu l-qofol għal ħafna persuni li s-soltu matul l-istaġun tal-festi kienu jsiefru u jmorru bi ħġarhom biex iżuru dawn il-postijiet ta’ attrazzjoni li tipikament jinkludu ħwienet, dekorazzjonijiet mill-isbaħ u postijiet li joffru ikel u xorb tipiku marbut ma’ dan l-istaġun. Ġeneralment bosta Christmas markets jinfetħu proprju f’nofs jew l-aħħar ta’ Novembru u jibqgħu sejrin matul ix-xahar ta’ Diċembru, iżda madanakollu, din is-sena kif nafu kienet waħda differenti minn dik tas-soltu u bosta Christmas markets madwar id-dinja spiċċaw “mhedda” minħabba l-pandemija tal-Covid-19 hekk kif bosta pajjiżi kellhom jikkanċellaw l-avvenimenti tagħhom.

Fost id-diversi pajjiżi li jorganizzaw dawn il-Christmas markets hemm il-Ġermanja. Dawn is-swieq żgur u mhux forsi li jirrappreżentaw tradizzjoni kulturali profonda iżda minħabba ż-żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19, ħafna mit-3,000 Christmas market tal-Ġermanja jiffaċċjaw kanċellazzjoni, daqqa doppja għall-ekonomiji lokali u l-moral nazzjonali. Il-madwar 160 miljun żjara fi swieq bħal dawn kull sena jiġġeneraw dħul ta’ kważi €3 biljun.

Fi Franza ħafna mill-Christmas markets mhux se jsiru din is-sena. Minbarra Pariġi, fejn il-famuż suq fiċ-Champs-Elysées ġie kkanċellat, u Lyon, anke l-Christmas market ta’ Strasburgu, li huwa l-eqdem fil-pajjiż, ukoll mhux se jsir din is-sena. Il-Belt tal-Lussemburgu u Ġinevra wkoll ingħaqdu mal-lista twila ta’ bliet li kkanċellaw il-qofol tagħhom tal-istaġun tal-festi.

Min-naħa l-oħra, il-Kunsill tal-Belt ta’ Edinburgh se jagħmel pass bla preċedent din is-sena hekk kif se jkunu qegħdin imexxu l-Christmas market tagħhom online. Fi stqarrija, huma qalu li wara r-restrizzjonijiet nazzjonali u meta titqies iż-żieda probabbli ta’ tensjoni fuq is-servizz matul ix-xitwa, ġie miftiehem li kwalunkwe tip ta’ avveniment li jista’ jiġbed ġemgħa jew folla jiġi evitat.

Huwa fatt li dan iż-żmien tal-festi se jkun wieħed differenti u forsi uħud iqisuh bħala wieħed stramb, imma minkejja li ma nistgħux inżuru fiżikament dawn il-Christmas markets, illum se nelenkaw ftit informazzjoni marbuta mal-Christmas markets filwaqt li se nippubblikaw ftit ritratti ta’ uħud li saru fi snin preċedenti biex naraw kif normalment kienet tkun l-atmosfera festiva. 

Kont taf li l-ewwel Christmas market seħħ propru lura fl-1298?

Il-prekursur tas-suq tal-Milied kif nafu kien il-Christmas market ta’ Vjenna fil-Medjuevu. Ġie rreġistrat għall-ewwel darba fl-1298, meta ċ-ċittadini ngħataw permess biex iżommu Krippenmarkt matul l-Avvent. Is-swieq fit-toroq fil-beraħ matul ix-xitwa kienu assoċjati b’mod aktar speċifiku mal-Milied fil-Ġermanja, bl-ewwel Christkindlmarkt iseħħ seklu wara, fl-1384. Dan kien fil-belt ta’ Bautzen, Sassonja. Dawn is-swieq bikrin bdew billi jbiegħu laħam biss iżda evolvew biex jipprovdu xiri ieħor u eventwalment prodotti tal-istaġun, dekorazzjonijiet u snajja – akkumpanjati minn kant u żfin.

Fatti interessanti… 

  • F’ħafna bliet Ewropej, il-ftuħ tal-Christmas markets huwa mmarkat bil-preżenża ta’ Christkind (Kristu tifel). Dan spiss jiġi rrappreżentat minn tifel żgħir bħala t-tarbija Ġesù jew tifla liebsa ta’ anġlu.
  • Għalkemm naraw il-kummerċjalizzazzjoni tal-Milied bħala xi ħaġa li seħħet biss f’dawn l-aħħar sekli, in-nies kienu qegħdin jixtru rigali għal xulxin mill-Christmas markets sa mill-1600. Madankollu, qabel ma Martin Luther introduċa drawwiet ġodda, rigali ġew skambjati fil-jum ta’ San Nikola, is-6 ta’ Diċembru.
  • Meta ġew introdotti għall-ewwel darba, il-Christmas markets kienu jdumu biss għal ftit jiem. Illum il-ġurnata huwa komuni li dawn jibqgħu miftuħin għal xahar jew aktar, li jibdew fl-aħħar ta’ Novembru u jispiċċaw eżatt qabel Jum il-Milied jew anke wara.
  • Is-swieq tal-Milied dejjem kienu post għall-produtturi lokali biex juru l-oġġetti tagħhom u tant saru sinonimi mal-prodotti tal-ikel tradizzjonali. Fost l-oħrajn, Aachen hija sinonima għal tip ta’ ħobż tal-ġinġer magħruf bħala Printen, Vjenna għandha gallettini f’forma ta’ nofs qamar imsejħa Vanillekipferl u l-belt Franċiża ta’ Amiens hija famuża għall-macaroons tagħha li jmorru lura għas-seklu 16.
  • It-tradizzjoni hija tant importanti għan-nies ta’ Budapest li l-prodotti għall-bejgħ fil-Christmas markets tagħhom għandhom jiġu kkonfermati bħala awtentiċi. Kull sena, ġurija ta’ nies minn organizzazzjonijiet differenti fil-belt se tivverifika li l-prodotti kollha huma tradizzjonalment magħmula mid-dar.
  • L-ewwel sinjal ta’ Christmas market fi Vjenna kien madwar fl-1722. Kull sena, madwar 3 miljun persuna jżuru r-Rathausplatz Wiener Christkindlmarkt, inklużi madwar nofs miljun turist barrani.  Is-siġra tal-Milied quddiem il-muniċipju fis-suq Rathausplatz hija għolja madwar 30 metru u ġiet armata kull sena hawn, mill-1959. Is-suq Rathausplatz huwa l-akbar Christmas market fil-belt, filwaqt li s-suq Spittelberg huwa t-tieni l-akbar. Kuljum jinbiegħu mat-30,000 litru ta’ xorb sħun fuq il-bankijiet tal-istands fil-Christmas markets ta’ Vjenna. Fl-2019 kien hemm 20 Christmas market uffiċjali fi Vjenna, inkluż total ta’ 1018 stands.
  • Il-Christmas market fejn il-Katidral ta’ Cologne, il-Ġermanja huwa fost l-aktar Christmasmarket li jżuruh nies fil-Ġermanja b’4 miljun viżitatur kull sena. 
  • Il-Christmas market ġewwa Strasbourg fi Franza. Mgħammda bħala l-kapitali tal-Milied mid-deputat sindku ta’ Strasburgu fl-1992, il-belt Franċiża tospita madwar tużżana swieq tal-Milied fi pjazez differenti madwar il-belt. L-iktar wieħed emblematiku ilu jsir biswit il-Katidral ta’ Strasburgu mill-1570, meta l-belt kienet parti mill-Imperu Ruman Imqaddes tan-Nazzjon Ġermaniż, u b’hekk saret waħda mill-eqdem swieq tal-Milied fl-Ewropa.

Ikel u xorb tipiku

Bla dubju fost l-ewwel affarijiet tal-ikel u xorb li jiġu f’moħħok meta taħseb dwar Christmas markets huma l-mulled wine u z-zalzett tipiku speċjalment dak Ġermaniż. L-ebda żjara ġewwa Christmas market mhix kompluta mingħajr tazza mulled wine, li huwa nbid aħmar sħun bil-ħwawar bħall-kannella, ħlewwa delikata u n-natura tiegħu li ssaħħan. 

Fil-Christmas markets issib ukoll lewż inkaljat miksi bl-għasal jew sempliċiment biz-zokkor. Imma x’hemm isbaħ minn borża qastan inkaljat sħun? Dan huwa wkoll popolari f’ħafna pajjiżi u jissajjar proprju quddiemek. F’Malta mbagħad għandna l-imbuljuta li hija xarba magħmula mill-qastan. Din kienet l-aktar tiġi offruta wara l-quddies ta’ nofs il-lejl, fejn il-familji kienu jirritornaw id-dar wara l-quddies u f’dak il-lejl ta’ ksieħ kienu jissaħħnu b’kikkra imbuljuta. Il-kokkodina, il-qastan, l-imsiefer tal-qronfol, iz-zokk tal-kannella u l-qoxra tal-mandolina huma l-ingredjenti prinċipali.

Ekonomija

Sport