Il-midfielder offensiv ta’ RB Leipzig, Christopher Nkunku, huwa rappurtat li ddeċieda li jħalli lill-club Ġermaniż, fost rabtiet ma’ Arsenal u Manchester United.
Il-player ta’ 24 sena gawda l-aqwa staġun tiegħu fil-football professjonali sa issa, wara li skorja 31 goal u pprovda 20 assist fi 48 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha, u ġibed interess minn għadd sħiħ ta’ clubs Ewropej oħra.
Mhux sorpriża, li Leipzig ma jridux ibiegħu lil Nkunku dan is-sajf hekk kif il-coach Taljan-Ġermaniż tal-club Domenico Tedesco irid isaħħaħ it-team tiegħu sabiex ikunu jistgħu jikkompetu u jisfidaw għat-titlu tal-Bundesliga l-istaġun li ġej.
Il-Premier League fl-Ingilterra qed jidher kulma jmur destinazzjoni probabbli għall-internazzjonali Franċiż, b’Arsenal u Man United mistennija jkunu fit-tellieqa għall-firma tiegħu flimkien ma’ Newcastle United u Manchester City.
Bayern Munich, Paris Saint-Germain u AC Milan qed jingħad ukoll li qed iżommu ħarsithom dwar id-disponibbiltà ta’ Nkunku, u dan jissuġġerixxi li Leipzig se jkunu qed jiffaċċjaw biċċa xogħol iebsa biex iżommu li dan l-attakkant fuq il-kotba tagħhom.
Minn meta ngħaqad magħhom mingħand PSG fl-2019, Nkunku skorja 43 goal u rreġistra 47 assist f’132 dehra għal Leipzig.