Monday, July 21, 2025

Ċikliżmu: Aidan Buttigieg jiddefendi t-titlu b’suċċess għat-tielet sena konsekuttiva, Diana Muscat champion għat-tieni darba

Aqra wkoll

Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta rebaħ għat-tielet sena konsekuttiva ċ-champions Nazzjonali tar-Road organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Għal Aidan Buttigieg dan kien it-tielet titlu fil-karriera tiegħu fejn iddefendi b’suċċess ir-rebħ ta’ dan il-Kampjonat tar-Road. Filfatt din is-sena huwa reġa spiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-Kategorija Elite meta kiseb il-massimu ta’ 600 punt bi tliet rebħiet. Fit-tieni u t-tielet post rispettivament ikklassifikaw żewġ ċiklisti ta’ Bike it Up Racing, Jacob Schembri (525 punt) u John Camilleri (400 punt).

Minn naħa tagħha, Diana Muscat tat-Team Greens rebħet dan it-titlu tan-Nisa għat-tieni darba fil-karriera tagħha meta b’suċċess kisbet total massimu ta’ 600 punt. Warajha spiċċaw rispettivament Deborah Schembri ta’ Gozo Cycling Club (490 punt) u Michelle Vella Wood tat-Team Greens (455 punt).

Gesred Borg tat-Team Greens spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 40+, b’total ta’ 575 punt, 25 punt iktar minn sieħbu tat-Team Greens, Arek Kawalec. Fit-tielet post spiċċa Jeffrey Borg ta’ Mosta CC (465 punt). David Cushing ta’ Bike it Up Racing spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 50+ b’massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw rispettivament David Galea ta’ Gozo CC (350 punt) u Joseph Caruana tat-Team Greens (175 punt).

Ryan Gatt ta’ The Cyclist by Agones spiċċa bħala champion Nazzjonali tal-Juniors b’200 punt, filwaqt li Ethan Grech ta’ Mosta Cycling Club huwa c-champion Nazzjonali ta’ taħt is-16 il-sena b’total ta’ 200 punt, segwit minn sieħbu tal-istess Mosta CC, Samwel Attard (175 punt). Minn naħa tagħha Rihanna Hassan tat-Team Greens rebħet l-istess kategorija tat-Tfajliet b’total ta’ 200 punt.                 

Neil Cassar tal-klubb Għawdxi ta’ Shamrock Stars SC spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt l-14 il-sena  b’total ta’ 200 punt. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti ta’ Mosta CC, Ethan Grech (175 punt) u Matthew Agius (155 punt). Nina Debono Curmi ta’ D Sports Lab rebħet l-istess kategorija dik riservata għat-Tfajliet b’total ta’ 200 punt. Warajha spiċċat Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens b’175 punt.

Dominju assolut fil-Kategorija ta’ taħt it-12 il-sena minn ċiklisti ta’ Mosta Cycling Club, fejn hawn Kurt Grech spiċċa bħala champion Nazzjonali b’total ta’ 200, sewit minn sħabu Zachary Vella (175 punt) u Raphael Buhagiar (155 punt). Valeria Barbara ta’ The Cyclists by Agones rebħet l-istess Kategorija dik riservata għal Bniet b’total ta’ 200 punt.

Fi tmiem dawn it-tiġrijiet tal-Kampjonat tagħha, l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu trid turi l-apprezzament tagħha għaċ-ċiklisti u l-uffiċċjali tal-klabbs kollha għas-sehem tagħhom, kif ukoll għal ARRTS Timing System għax-xogħol siewi tagħhom. Grazzi wkoll tmur għas-servizzi rispettivi tal-Kunsilli Lokali, Trasport Malta, il-Puliżija, u l-Emergency First Response, kif ukoll lil xi voluntiera, timekeepers u marshalls.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport