Tuesday, July 29, 2025

Ċikliżmu: Aidan Buttigieg jiddefendi t-titlu b’suċċess, Michelle Vella Wood champion għas-7 darba

Aqra wkoll

Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta rebaħ ghat-tielet sena konsekuttiva ċ-champions Nazzjonali tat-Time Trial organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Għal Aidan Buttigieg dan kien it-tielet titlu konsekuttiv tal-istess dixxiplina fil-karriera tiegħu fejn iddefendi b’suċċess ir-rebħ ta’ dan il-Kampjonat tat-Time Trial fejn din is-sena wkoll huwa reġa spiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-Kategorija Elite meta kiseb il-massimu ta’ 600 punt bi tliet rebħiet. Fit-tieni u t-tielet post rispettivament ikklassifikaw Luke Borg ta’ The Cyclist by Agones (490 punt) u John Camilleri ta’ Bike it Up Racing (450 punt).

Minn naħa tagħha, Michelle Vella Wood tat-Team Greens rebħet dan it-titlu tan-Nisa għas-seba’ darba fil-karriera tagħha meta kisbet total ta’ 550 punt. Warajha spiċċaw rispettivament Lindsey Pirotta ta’ D Sports Lab (450 punt) u Danica Bonello Spiteri tat-Team Greens (445 punt).

Mark Zammit ta’ Mosta CC reġa spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 40+, b’550 punt. Warajh spiċċaw Gesred Borg tat-Team Greens (480 punt) u Jeffrey Borg ta’ Mosta Cycling Club (435 punt). David Cushing ta’ Bike it Up Racing spiċċa champion Nazzjonali fil-Masters 50+ b’massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw Kevin Muscat ta’ Bike it Up Racing (350 punt) u Joseph Caruana tat-Team Greens (305 punt).

Ryan Gatt ta’ The Cyclist by Agones spiċċa bħala champion Nazzjonali tal-Juniors b’400 punt, filwaqt li sieħbu Kai Azzopardi spiċċa it-tieni b’200 punt.

Ethan Grech ta’ Mosta Cycling Club spiċċa champion Nazzjonali ta’ taħt is-16 il-sena b’total massimu ta’ 600 punt, segwit minn sieħbu tal-istess Mosta CC, Samwel Attard (505 punt) u Aiden Muscat ta’ Shamrock Stars SC (175 punt). Minn naħa tagħha Rihanna Hassan tat-Team Greens rebħet l-istess kategorija tat-Tfajliet b’total massimu ta’ 600 punt.

Neil Cassar ta’ Shamrock Stars SC spiċċa champion Nazzjonali ta’ taħt l-14 il-sena  b’total massimu ta’ 600 punt. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti ta’ Mosta CC, Timothy Buttigieg Scicluna (460 punt) u Matthew Agius (435 punt). Nina Debono Curmi ta’ D Sports Lab rebħet l-istess kategorija dik riservata għat-Tfajliet b’total ta’ 575 punt. Warajha spiċċaw rispettivament Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens b’550 punt u Amy St John ta’ Mosta CC b’155 punt.

Kurt Grech ta’ Mosta Cycling Club spiċċa champion Nazzjonali ta’ taħt it-12 il-sena  b’total massimu ta’ 600, sewit minn sħiebu Zachary Vella (490 punt) u Ayden Vella ta’  D Sports Lab (355 punt). Zaliya Dimech ta’ Shamrock Stars SC rebħet l-istess Kategorija dik riservata għal Bniet b’total ta’ 200 punt.

Fi tmiem dawn it-tiġrijiet tal-Kampjonat tagħha, l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu trid turi l-apprezzament tagħha għaċ-ċiklisti u l-uffiċċjali tal-klabbs kollha għas-sehem tagħhom, kif ukoll għal ARRTS Timing System għax-xogħol kbir tagħhom. Grazzi wkoll tmur għas-servizzi rispettivi tal-Kunsilli Lokali, Trasport Malta, il-Puliżija, u l-Emergency First Response, kif ukoll lil xi voluntiera, timekeepers u marshalls.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport