Sunday, December 22, 2024

Ċikliżmu: Clive Ebejer u Juleanne Vassallo champions tar-Road Races

Aqra wkoll

Clive Ebejer u Juleanne Vassallo tat-Team Greens huma ċ-champions nazzjonali tar-Road Race organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Dan kien suċċess doppju għat-Team Greens bħal ma ġara wkoll fil-Kampjonat tat-Time Trial.

Ebejer irnexxielu jagħmel dan meta rebaħ l-aħħar tiġrija li nżammet fiċ-ċirkwit tax-Xħajma, fin-Nadur, Għawdex meta temm it-12-il lap tiegħu f’ħin ta’ 1:34:03.00. Warajh spiċċaw Matthew Dalli ta’ Agones SFC (1:34:04.02) u Etienne Cutajar tat-Team Greens (1:34:05.45).

Fil-klassifika ġenerali Ebejer spiċċa b’total ta’ 485, segwit minn  Pierre Borg ta’ Mosta AF Sign Studio CC, b’Etienne Bonello tat-Team Greens jispiċċa b’total ta’ 465 punt.

Fil-kategorija tan-Nisa, Juleanne Vassallo tat-Team Greens spiċċat champion għall-ewwel darba b’total ta’ 550 punt. Fil-klassifika generali, Marquita Muscat ta’ The Cyclist spiċċat it-tieni bi 330 punt u Michelle Vella Wood tat-Team Greens b’280 punt. Intant kienet Marie Claire Aquilina (Team Greens) li reb­ħet tellieqa tan-Nadur meta spiċ­ċat it-tmien dawriet tagħha f’ħin ta’ 1:08:49.43. Warajha spiċċaw Juleanne Vassallo (1:14:26.59) u Marquita Muscat (1:18:02.57).

Luke Borg (The Cyclist) huwa ċ-champion nazzjonali ta’ Taħt it-23 sena meta spiċċa b’400 punt segwit minn żewġ ċiklisti ta’ Birkirkara St Joseph, Daniel Briffa bi 350 punt u Sean Michael Darmanin bi 330 punt. Madankollu t-tellieqa tan-Nadur intrebħet minn Stefan Scerri ta’ Gozo CC meta għamel it-12-il dawra tiegħu f’ħin ta’ 1:43:24.25. Warajh spiċċa Daniel Briffa (1:46:54.76).

Justin Gauci (Mosta AF Sign Studio CC) huwa ċ-champion nazzjonali tal-Masters 40+ b’575 punt. Warajh spiċċaw Nicholas Schembri (Team Greens) b’530 punt u Ivan Zammit ta’ Birkirkara St Joseph b’485 punt. Nicholas Schembri rebaħ it-tellieqa ta’ Għawdex meta temm it-8 dawriet tiegħu fi sprint finali f’ħin ta’ 1:08:45.08. Bl-istess ħin spiċċa Justin Gauci, filwaqt li Ivan Zammit daħal f’ħin ta’ 1:08:45.25.   

Mario Attard (Team Greens) huwa c-champion nazzjonali tal-Masters 50+ meta temm b’massimu ta’ 600 punt., segwit mi-żewġ ċiklisti ta’ Mos­ta AF Sign Studio CC, Kevin Muscat b’505 punt u Emmanuel Ca­milleri  b’155 punt.

Jacob Schembri ta’ Mosta AF Sign Studio CC spiċċa wkoll bħala champion nazzjonali tal-Juniors b’total ta’ 400 punt. Dareen Sultana (Gozo CC) spiċċa t-tieni b’200 punt. L-istess Schembri rebaħ it-tellieqa tan-Nadur meta temm it-12 il-dawra tiegħu f’ħin ta’ 1:44:14.59.       

Ishmael Grima (Shamrock Stars) huwa ċ-champion nazzjonali ta’ Taħt is-16-il sena b’total ta’ 400 punt segwit minn Kai Azzopardi ta’ Agones SFC b’200 punt u Matthew Galea (Gozo CC) bi 175 punt. L-istess Grima rebaħ it-tellieqa tan-Nadur f’ħin ta’ 40:07.94 qabel Matthew Galea (48:36.41).     

Ryan Gatt (The Cyclist) spiċċa bħala champion Nazzjonali ta’ taħt l-14 il-sena  b’total ta’ 200 punt. Warajh spiċċa Sean Mercieca ta’ Mosta AF Sign Studio CC  b’175 punt. L-istess Gatt rebaħ fin-Nadur f’ħin ta’ 25:56.76. qabel Sean Mercieca (37:19.87).

Liam Daly (Shamrock Stars) spiċċa bħala champion nazzjonali ta’ Taħt it-12-il sena Subien b’total ta’ 200 punt quddiem Neil Cassar b’175 punt u Isaac Buttigieg b’155 punt tal-istess team. Nina Debono ta’ Shamrock Stars hija ċ-champion nazzjonali ta’ Taħt it-12-il sena Bniet b’total ta’ 200 punt. Warajha spiċċat Katie Vella Wood tat-Team Greens b’175 punt.

Fi tmiem dawn it-tlielaq saru l-premjazzjonijiet tal-midalji lir-rebbieħa minn Edward Said, Sindku tan-Nadur li kien assistit mill-president John Zammit u s-segretarju ġenerali, Joe Bajada, tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.

Fi tmiem dawn it-tlielaq tal-kampjonati tagħha, l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu trid turi l-apprezzament tagħha għaċ-ċiklisti u l-uffiċjali tal-clubs kollha għas-sehem tagħhom, kif ukoll għal ARRTS Timing System għax-xogħol kbir tagħhom. Grazzi wkoll tmur għas-servizzi rispettivi tal-Kunsilli Lokali, Trasport Malta, il-Puliżija u l-Emergency First Res­ponse, kif ukoll lil xi voluntiera, timekeepers u marshalls.

Ekonomija

Sport