Sunday, November 24, 2024

Ċikliżmu: Dan Bonello jirbaħ l-ewwel tappa tat-Tour ta’ Malta

Aqra wkoll

F’kundizzjonijiet ta’ riħ ferm qawwi, irritornat s-26 Edizzjoni tat-Tour Internaz­zjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Covid-19. 

Proprju l-bieraħ saret l-ewwel tappa li kienet tikkonsisti f’Individual Time-Trial fuq iċ-ċirkwit tal-Coastroad, Salina/Baħar ic-Ċagħak fuq distanza ta’ 15-il kilometru fuq tliet dawriet.

Il-Malti/Awstraljan Dan Bonello – ritratt-  (Team Oleka) spiċċa l-ewwel fil-kategorija Elite f’ħin ta’ 22 minuta u 17 sekonda. Fit-tieni post daħal il-Franċiż Antoine Magaud (Sprinter Nice Metropole) segwit  mill-Isvizzeru Dominic Kunz (Amore e vita – KIBAG-Obor).

L-Ingliża Matilde Pauls ta’ 1904RT – UK rebħet din it-tappa tal-kategorija tan-Nisa f’ħin ta’ 24 minuta u 31 sekonda. Fit-tieni post spiċċat ic-champion Maltija, Marie Claire Aquilina, tat-team Greens  f’ħin ta’ 25 minuta u 46 sekonda, qabel l-Ingliża Jenni­fer Andrews ta’ 1904RT – UK f’ħin ta’ 26 minuta u 37 sekonda

Fil-kategorija Masters ħareġ rebbieħ l-Ingliż Dave Mitchinson ta’ Cinnamon Café Contour Cycles Drunk Race Team – UK f’ħin ta’ 22 minuta u 48 sekonda. Għaxar sekondi warajh daħal il-Malti Etienne Bonello tat-team Greens, filwaqt li l-Ingliż Martin Lawless (Cycle Club Ashwell) spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 23 minuta u 20 sekonda.

Fi tmiem din it-tappa saret il-preżentaz­zjoni tal-midalji u l-flokkijiet il-ħomor lir-rebbieħa kollha minn Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu li huwa wkoll il-President tal- Kummissjoni tal-Pajjiżi ż-Żgħar fi ħdan l-Unjoni Ewropea taċ-Ċikliżmu. 

It-Tour jitkompla llum, b’tellieqa tar-Road li mistennija tkun waħda deċiżiva fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, tellieqa ta’ 88 kilometru Elite (10 dawriet) u 53 kilometru Nisa u Masters (6 dawriet). 

Sport