Monday, July 7, 2025

Ċikliżmu – Kampjonat Nazzjonali tat-Time Trail 2025 it-Tieni Tigrija

Aqra wkoll

Aidan Buttigieg ta’ Team Polti Visit Malta rebaħ  it-tieni tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Time Trial, wieħed miż-żewġ kampjonat organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Dawn it-tiġrijiet saru fi Fleur-de-Lys fuq laps ta’ 2.5km. L-Elite, in-Nisa, l-Masters u l-Juniors għamlu 6 laps, l-Under 16’s (4 laps), l-Under 14’s (2 Laps) u l-Under 12’s (1 Lap). 

Aidan Buttigieg spiċċa għal darb’oħra l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu f’ħin ta’ 20:11. Jacob Schembri ta’ Bike It Up Racing spiċċa t-tieni (20:47), filwaqt li fit-tielet post spiċċa Luke Borg ta’ The Cyclist by Agones (21:03). Fuq dan ir-rizultat iddaħħal protest minn The Cyclist by Agones fuq irregolarita’ li wettaq matul it-tiġrija Jacob Schembri. Michelle Vella Wood tat-Team Greens rebħet it-tiġrija tan-Nisa f’ħin ta’ 25:08. Warajha daħlet seħbitha tat-Team Greens, Danica Bonello Spiteri (26:03) u Lindsey Pirotta ta’ D Sports Lab (26:11).

Fil-Kategorija tal-Masters 40+ ħareġ rebbieħ Joaquin Rojas tat-Team Greens f’ħin ta’ 22:04. Warajh daħlu rispettivament Mark Zammit ta’ Mosta CC (22:16) u Nicholas Schembri tat-Team Greens (23:16). David Cushing ta’ Bike It Up Racing minn naħa tiegħu rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 23:25. Hu kien segwit minn sieħbu tal-istess tim Kevin Muscat (24:28) u Stephen Grima ta’ D Sports Lab (24:50). 

Ryan Gatt ta’ The Cyclist by Agones rebaħ il-Kategorija tal-Juniors f’ħin ta’ 23:54. Ethan Grech ta’ Mosta CC rebaħ il-kategorija tal-Under 16 Maskili meta temm l-erba’ dawriet tiegħu f’ħin ta’ 17:46, segwit minn sieħbu tal-istess Mosta CC Samwel Attard (19:16). Rihanna Hassan tat-Team Greens rebħet l-istess Kategorija Feminili f’ħin ta’ 24:51.

Neil Cassar ta’ Shamrock Stars rebaħ l-Under 14 Maskili meta għamel iż-żewġ dawriet tiegħu f’ħin ta’ 07:52. Warajh spiċċaw żewġ ċiklisti ta’ Mosta CC, Ethan Cumbo (08:28) u Timothy Buttigieg Scicluna (09:01). Nina Debono Curmi ta’ D Sports Lab rebħet il-Kategorija tal-Under 14 tat-Tfajliet f’ħin ta’ 09:08, segwita minn Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens (09:27).

Il-kategorija tal-Under 12 Boys kienet iddominata minn ċiklisti ta’ Mosta CC fejn fl-ewwel post spiċċa Kurt Grech li għamel id-dawra tiegħu f’ħin ta’ 04:55, segwit minn sħabu Zacchery Vella (05:06) u Rapheal Buhagiar (05:16) li qasam it-tielet post bl-istess ħin ma’ Nolan Tabone.

It-tiġrija li jmiss ser issir nhar il-Ħadd li ġej, 13 ta’ Lulju 2025 fuq iċ-ċirkwit tal-Mizieb li ser tkun it-tielet u l-aħħar tiġrija mill-Kampjonat tat-Time Trial li biha jintemmu ż-żewġ kampjonati organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Dawn ser jibdew jibdew fis-7.00am.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport