Friday, December 13, 2024

Ċikliżmu – Kampjonat Road Race: Etienne Bonello u Danica Bonello Spiteri jirbħu f’San Martin

Aqra wkoll

Team Greens kellu ġurnata oħra ta’ suċċessi meta fl-ewwel tellieqa mill-Kampjonat tar-Road organizzat mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, li nżammet f’San Martin, iċ-ċiklisti tagħhom Etienne Bonello u martu Danica Bonello Spiteri, ħarġu rebbieħa fil-kategoriji prinċipali fl-ewwel minn sensiela ta’ tliet tlielaq marbuta mar-Road Race.  

Bonello rebaħ il-Kategorija Elite meta spiċċa fl-ewwel post fi sprint finali wara 7 dawriet fuq distanza ta’ 61.6km f’ħin ta’ f’siegħa, 46 minuta u 25.91 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament fit-tieni u t-tielet post, iċ-champion renjanti Pierre Borg ta’ Mosta AF Sign Studio (1:46:28.17) u John Camilleri ta’ B’Kara St  Joseph (1:46:28.48). 

Fil-Kategorija tan-Nisa kien hemm dominju miċ-ċiklisti tat-Team Greens fejn spiċċat rebbieħa Danica Bonello Spiteri (Team Greens) li temmet il-ħames laps tagħha f’ħin ta’ f’siegħa, 23 minuta u 54.46 sekonda. Warajha daħlu Juleanne Vassallo (1:24:11.24) u Diane Muscat (1:30:38.93).

Justin Gauci ta’ Mosta AF Sign Studio rebaħ il-Kategorija Master 40+ meta spiċċa l-ewwel fil-ħames laps tiegħu f’ħin ta’ siegħa, 21 minuta u 4.88 sekonda. Ivan Zammit ta’ B’Kara St Joseph spiċċa t-tieni (1:21:13.13) u Nicholas Schembri tat-Team Greens (1:21:40.15) daħal fit-tielet pożizjoni. Il-Kategorija tal-Masters Over 50 intrebħet minn Mario Attard tat-Team Greens f’ħin ta’ siegħa, 21 minuta u 8.77 sekonda. Warajh spiċċaw rispettivament Steve  Andrew Bell ta’ The Cyclist (1:23:41.22) u Joseph Micallef tat-Team Greens (1:24:45.23).

Il-Kategorija ta’ Taħt it-23 sena kienet iddominata minn Luke Borg ta’ The Cyclist meta temm is-7 dawriet tiegħu fuq quddiem f’siegħa, 46 minuta u 25.91 sekonda. 

Warajh spiċċaw rispettivament żewġ ċiklisti debuttanti ta’ B’Kara St Joseph, Sean Michael Darmanin (2:00:45.93) u Julian James Axiaq (2:14:34.58). Darren Sultana ta’ Gozo CC rebaħ il-Kategorija tal-Juniors meta temm is-7 dawriet tiegħu f’siegħa, 57 minuta u 04.04.91 sekonda, fil-waqt li Kai Azzopardi ta’ Agones Sfc rebaħ il-Kategorija ta’ Taħt is-16-il sena meta spiċċa t-tliet dawriet tiegħu f’47 minuta u 34.07 sekonda.

Fi tmiem dawn it-tiġrijiet saru l-premjaz­zjonijiet tal-midalji minn John Zammit u Joe Bajada, president u segretarju ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.

It-tellieqa li jmiss ser tkun it-tieni waħda mill-Kampjonat Time Trail  fil-Bypass ta’ Ħaz-Żebbuġ nhar il-Ħadd 12 ta’ Ġunju 2022.

Ekonomija

Sport