Monday, June 30, 2025

Ċikliżmu: Trippletta għal Aidan Buttigieg u Diana Muscat

Aqra wkoll

Aidan Buttigieg (Team Polti Visit Malta) u Diana Muscat (Team Greens) kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fit-tielet u l-aħħar tiġrija tal-Kampjonat Nazzjonali tar-Road tal-2025, wieħed minn żewġ kampjonati nazzjonali ewlenin taċ-ċikliżmu fit-toroq organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.

Din it-tiġrija saret fuq iċ-ċirkwit ta’ 2.5 kilometri fi Fleur-de-Lys. L-Elite għamlu 20 dawra, in-Nisa u l-Masters għamlu 12 il-dawra, l-Juniors 6 dawriet, l-Under 16 għamlu 6 dawriet,  l-Under 14 kellhom 4 dawriet, filwaqt li l-Under 12 għamlu 2 dawriet.

Fit-tellieqa tal-Irġiel Elite, Aidan Buttigieg kiseb rebħa oħra fi sprint eċċitanti, billi waqqaf l-arloġġ f’1:19:30, u għadda bi ftit lil Jacob Schembri (Bike It Up Racing) li spiċċa sekonda waħda biss warajh. Mark Bonnici ta’ The Cyclists by Agones spiċċa t-tielet b’ħin ta’ 1:19:32.

It-tellieqa tan-Nisa rat prestazzjoni oħra pożittiva minn Diana Muscat (Team Greens), li kisbet l-ewwel post b’ħin ta’ 48:47:49. Hija kienet segwita minn seħbitha tat-Team Greens, Michelle Vella Wood f’55:21:28, u Jess Rymer (D Sports Lab) spiċċat it-tielet f’57:38:21.

Arek Kawalec tat-Team Greens rebaħ il-kategorija Masters 40+ f’ħin ta’ 46:51:79. Liran Ben Ari ta’ The Cyclists by Agones spiċċa t-tieni (46:52:79), segwit minn Gesred Borg (46:52:87).

Fil-kategorija Masters 50+, David Cushing (Bike It Up Racing) kiseb it-tielet rebħa tiegħu meta spiċċa fuq quddiem f’ħin ta’ 46:52:63. David Galea (Gozo CC) u Stephen Grima (D Sports Lab) ħadu t-tieni u t-tielet post b’ħinijiet ta’ 47:32:30 u 49:10:42 rispettivament.

Ryan Gatt ta’ The Cyclists by Agones rebaħ il-Kategorija tal-Juniors f’ħin ta’ 32:14:06.

Ethan Grech ta’ Mosta CC rebaħ il-Kategorija tal-Under 16 Subien f’ħin ta’ 27:34:68, b’sieħbu Samwel Attard tal-istess Mosta CC jispiċċa t-tieni (31:04:84), filwaqt li Rihanna Hassan tat-Team Greens rebħet l-istess Kategorija tat-Tfajliet f’ħin ta’ 41:35:59.

Neil Cassar ta’ Shamrock Stars rebaħ il-Kategorija tal-Under 14 Subien f’ħin ta’ 16:21:29. Ethan Cumbo u Matthew Agius it-tnejn ta’ Mosta CC spiċċaw fuq il-podium b’ħinijiet rispettivi ta’ 18:05:25 u 18:30:24. Nina Debono Curmi ta’ D Sports Lab rebħet l-istess Kategorija tat-Tfajliet f’ħin ta’ 18:27:91. Warajha spiċċat Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens (18:28:93).

Kurt Grech ta’ Mosta CC rebaħ il-Kategorija tal-Under 12 Subien f’ħin ta’ 10:15:44. Zachary Vella u Raphel Buhagiar ukoll it-tnejn ta’ Mosta CC spiċċaw warajh b’ħinijiet rispettivi ta’ 10:17:59 u 10:27:45. Valeria Barbara ta’ The Cyclists by Agones rebħet l-istess Kategorija tat-Tfajliet f’ħin ta’ 11:27:91. Warajha spiċċat Katie Anne Vella Wood tat-Team Greens (18:29:73).

Intant l-aħħar żewġ tiġrijiet li fadal huma mill-Kampjonat tat-Time Trial, nhar il-Ħadd li ġej 6 ta’ Lulju 2025 fi Fleur-de-Lys, u l-oħra tkun il-Ħadd ta’ wara 13 ta’ Lulju 2025 il-Miżieb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport