Il-Ċina għamlet pass ieħor lejn futur fis-settur tar-robotika. Bil-għan li t-teknoloġija avvanzata u l-kumditajiet li ġġib magħha, tkun aċċessibbli għal kulħadd dan il-pajjiż ħabbar li se jitfa’ fis-suq l-l-aktar robot mgħammar bl-AI f’forma ta’ bniedem (umanojde) irħis fid-dinja.
Fil-fatt, il-prezz li wieħed jista’ jixtri dan ir-robot huwa ta’ madwar €1,280. Din l-innovazzjoni, maħluqa minn startup ibbażat f’Beijing, qiegħda titqies bħala pass kruċjali biex it-teknoloġija avvanzata ma tibqax biss privileġġ tal-industriji, tal-kumpaniji kbar jew inkella tas-sinjuruni. B’dan il-pass, dawn it-tip ta’ robots se jkunu aktar faċilment integrati u wżati fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna.
Jitgħallem huwa u jitħallat magħna
Il-robot, li huwa twil erba’ piedi u għandu dehra simili għall-bniedem, kapaċi jimxi, jitkellem, jirrikonoxxi emozzjonijiet u jassisti f’diversi affarijiet fosthom fit-tagħlim jew kura lill-anzjani. Huwa mgħammar b’sistema ta’ biha jgħaraf il-vuċi u l-wiċċ, kif ukoll tagħlim f’temp reali li jippermettilu jitjieb maż-żmien skont l-interazzjonijiet li jkollu mal-bniedem.
Skont rapporti mill-istartup, il-mudell diġà qiegħed jintuża f’xi skejjel bħala assistent edukattiv, b’mod partikolari fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija,. Ingħad wkoll li dan ġie introdott fl-istituzzjonijiet edukattivi biex jgħin ukoll fit-tkabbir emozzjonali tat-tfal. Din l-inizjattiva turi kif il-Ċina min-naħa tagħha qiegħda timbotta bil-qawwi lejn integrazzjoni bejn l-AI u s-soċjetà ċivili, b’viżjoni li robot bħal, fil-futur, dan nistgħu nsibuh f’kull dar jew fil-klassijiet.
Bidla storika fir-relazzjoni bejn il-bniedem u r-robot
Esperti fl-intelliġenza artifiċjali (AI) u l-etika teknoloġika qegħdin iqisu dan l-iżvilupp bħala bidla storika fir-relazzjoni bejn il-bniedem u r-robot. Jekk il-prezzijiet ikomplu jorħsu u l-kapaċitajiet jitjiebu, ir-robotika tista’ mill-fabbriki tingħaqad mal-familji u b’hekk tinfetaħ fażi ġdida ta’ interazzjoni soċjali u edukattiva.
Madankollu, ma jonqsux il-mistoqsijiet dwar il-privatezza, is-sigurtà tad-data u l-etika li jġibu magħhom dawn il-magni intelliġenti. Il-fatt li robot jista’ janalizza emozzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq algoritmi, iqanqal diskussjonijiet serji dwar x’inhu l-limitu li lesti naslu għalih.
Twissija dwar l-isfidi legali u morali
Filwaqt li għal din l-innovazzjoni hija sinjal ta’ progress u demokratizzazzjoni tat-teknoloġija, oħrajn iwissu li l-isfidi legali u morali jridu jiġu indirizzati b’mod serju qabel ma dawn il-magni jsiru parti normali minn ħajjitna.
Li huwa żgur huwa li l-umanojde bil-prezz ta’ ftit aktar minn €1,200 jista’ jkun l-ewwel sinjal ta’ era ġdida fejn l-intelliġenza artifiċjali ssir parti integrali tal-ħajja tal-bniedem.
Ir-robot miċ-Ċina mhuwiex intenzjonat għal-laboratorju jew fabbrika imma huwa robot għan-nies. Għall-ewwel darba, magna b’intelliġenza artifiċjali u “sens” emozzjonali se tkun tista’ tidħol f’klassijiet u fid-djar bħala għajnuna reali fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-viżjoni taċ-Ċina qiegħda tintlaħaq
Il-Ċina hawn qiegħda turi li hija ċentru globali tal-AI u tal-umanjojde personali. Dan jallinja perfettament mal-viżjoni nazzjonali tagħha li tħallat it-tagħlim, ix-xjenza u l-intelliġenza artifiċjali biex toħloq ġenerazzjoni li tikber id f’id mat-teknoloġija li tifhimha u tużaha.
Iżda, importanti li nżommu f’moħħna li għal kull pass ‘il quddiem fit-teknoloġija, hemm żewġ passi ta’ riflessjoni morali li wieħed irid jieħu. X’se jiġri mill-privatezza meta robot fil-klassi jkun qiegħed jagħraf u jipproċessaa l-emozzjonijiet tat-tfal? Min għandu d-data li jiġbor u kif se niżguraw li dawn il-magni, li jitgħallmu minna stess, ma jsirux ukoll mera tal-preġudizzji jew tal-iżbalji tagħna?
Din mhiex biss kwistjoni ta’ invenzjoni, imma ta’ identità soċjali. Kif irridu ngħixu ma’ magni li jifhmuna u sa fejn irridu li jifhmuna?
Bħal kull revoluzzjoni teknoloġika, l-Istorja umana qiegħda terġa’ tinkiteb quddiem għajnejna. Il-mistoqsija mhiex jekk irridux jew le robot bħal dan fid-dar jew fil-klassi tagħna imma jekk aħniex lesti li ngħixu ma’ dak li jirrifletti l-lura umanità tagħna lejna stess!

