Storja ta’ tbatija liema bħala hija ta’ Cheng Pei Ming minn Shandong li rnexxielu jsalva minn ċirku ta’ donazzjonijiet tal-organi sfurzati jew mingħajr kunsens fiċ-Ċina. Wara snin ta’ priġunerija minħabba t-twemmin tiegħu, flimkien ma’ torturi, Cheng spiċċa vittma ta’ tobba li raqqduh u ħadulu parti mill-fwied u mill-pulmun tiegħu. Huwa li għamel 14-il sena jaħrab mill-awtoritajiet lokali, sab refuġju fl-Istati Uniti u sostna li kieku ma ħarabx miċ-Ċina, żgur li kienu se joqtluh.
Dan l-ewwel persuna li salva mill-allegat teħid sforzat ta’ organi għat-trapjanti fiċ-Ċina, qiegħed jikxef dak kollu li għadda minnu taħt kirurgi mqabbda mill-istat komunista. Huwa li kien jgħix f’villaġġ żgħir rurali, spjega kif bejn l-1999 u l-2006 kien ippersegwitat għat-twemmin reliġjuż u spiritwali tiegħu mill-Partit Komunista Ċiniż (CCP). F’dan il-perjodu huwa sofra priġunerija u allegatament torturi kontinwi.
Proprju waħda mill-allegati episodji tal-biża’ ta’ Cheng hija meta kien ittieħed l-isptar fejn it-tobba mill-ewwel għamlu pressjoni fuqu biex jiffirma dokumenti ta’ kunsens għal intervent kirurġiku. Skont ma qal, meta huwa rrifjuta, pulizija u uffiċjali tawh injezzjoni b’sustanza mhux magħrufa li tilfitu minn sensieh. Meta Cheng qam mill-operazzjoni sab inċiżjoni fuq in-naħa tax-xellug ta’ sidru u meta aktar tard sarulu x-rays fl-Istati Uniti ġie kkonfermat li kienu ttieħdulu partijiet mill-fwied u mill-pulmun.
Arrestat talli kien jipprattika l-Falun Gong
L-inkwiet għal Cheng ra l-bidu tiegħu fl-1999 meta ġie arrestat mill-awtoritajiet Ċiniżi talli kien jipprattika l-Falun Gong, twemmin li għandu tradizzjonijet Buddistti u jiffoka fuq titjieb tal-ħsieb grazzi għall-prattiċi tal-meditazzjoni u tagħlim morali. Is-CCP tqis din il-prattika bħala theddida għall-awtorità tagħha tant li bdiet kampanja ta’ persekuzzjoni fil-konfront ta’ kull min jipprattika l-Falun Gong.
Fit-tliet snin ta’ wara Cheng daħal u ħareġ mill-ħabs għal diversi drabi fejn barra swat fiżiku huwa qal li sofra sensiela ta’ testijiet tad-demm. Huwa qatt ma baxxa rasu għall-ordni li jieqaf jipprattika l-Falun Gong. Konsegwenza ta’ dan, fl-2002 qorti lokali tatu sentenza ta’ tmien snin oħra ħabs. Huwa ntbagħat f’Harbin Prison. Hawn allegatament huwa kompla jsofri l-istess torturi u testijiet tad-demm. Huwa maħsub li dawn it-testijiet kienu jsiru biex it-tobba jevalwaw l-istat tas-saħħa fiżika tiegħu ħalli mbagħad, jeħdulu l-organi.
Tant sofra li ried imut…
F’Lulju tal-2004 Cheng ġie trasferit f’ħabs ieħor, din id-darba f’Daqing Prison. Hawn huwa allegat li s-sofferenzi tiegħu intensifikaw aktar tant li pprova jmut b’suwiċidju. Meta dan ittieħed l-isptar intalab jiffirma għal intervent kirurġiku iżda rrifjuta u qalilhom li, “jien m’għamilt ebda att kriminali u mhux se niffirma. Jekk immut, immut kawża tal-persekuzzjoni tagħkom”.
Kien hawn li sitt gwardjani allegatament żammewh bil-forza u raqqduh. Wara l-operazzjoni Cheng sab farrett twil 35 ċentimetru fin-naħa t’isfel ta’ sidru, intervent li ma kellu x’jaqsam xejn mal-attentat suwiċida li kien għamel. Waqt li kien qiegħed jirkupra fis-sodda, ittieħdulu ritratti bħala prova li sarlu intervent sfurzat u mingħajr kunsens. Dawn intbagħtu lil Minghui.org, li huwa sitt li jaqsam informazzjoni dwar il-Falun Gong, kif ukoll ġew ippubblikati fl-aħbarijiet bħala storja dwar il-persekuzzjoni tal-persuni li jipprattikaw din ir-reliġjon. Ir-ritratti meħuda kienu jitkellmu waħidhom.
Intuża bħala donatur tal-organi kontra l-volontà tiegħu
Minn testijiet ulterjuri li sarulu fl-Istati Uniti ġie kkonfermat li s-segmenti mill-fwied ta’ Cheng kienu nieqsa. Il-metodoloġija li ntużat biex jittieħdu partijiet mill-fwied tiegħu kienet żviluppata fis-snin 90 u l-esperti jemmnu li Cheng intuża bħala donatur tal-organi kontra l-volontà tiegħu, kif ukoll bħala parti minn esperimentazzjoni medika nieqsa minn kull etika.
Fir-rigward il-Professur Wendy Rogers, li hija ċ-Chair tal-Koalizzjoni Internazzjonali għall-Waqfien tal-Abbuż tat-Trapjanti fiċ-Ċina (ETAC), sostniet li, “dan huwa każ ta’ attakk kirurġiku li jirriżulta f’serq ta’ partijiet ta’ organi. Ma nafx eżattament għala t-tobba Ċiniżi neħħew partijiet mill-fwied u l-pulmun ta’ Cheng. Li naf żgur huwa li ma kellux bżonn ta’ din l-operazzjoni”. Hija insistiet li l-każ ta’ dan ir-raġel huwa xhieda ta’ ksur tad-drittijiet tal-priġunieri fiċ-Ċina.
Tħalla għal mejjet fiċ-ċella
Wara li rnexxielu jibqa’ ħaj mill-operazzoni Cheng ittieħed lura fil-ħabs. Dan minkejja li kien qiegħed isofri minn effettti negattivi fosthom għejja kronika u qtugħ ta’ nifs. Hemm ma ngħatax attenzjoni medika u tħalla għal mejjet għal sena u nofs sħaħ fiċ-ċella.
Wara li fl-2006 beda strajk tal-ġuħ, il-vittma kellu jerġa’ jittieħed l-isptar fejn sostna li reġgħu riedu jagħmlulu operazzjoni oħra minkejja li din id-darba ma kien bela’ xejn. Kif irrealizza li kien f’periklu ta’ operazzjoni brutali oħra u wisq probabbli mewt ċerta, huwa ħarab.
Barra l-isptar huwa għajjat taxi fejn offrielu bħala ħas bott tal-frott ippreservat. Is-sewwieq tħassru u saqu għal lejl sħiħ. “Meta ħaduni lura fl-isptar u qaluli li għandi bżonn operazzjoni oħra, kont naf fiċ-ċert li se joqtluni,” qal wara Cheng lill-uffiċjali fl-Istati Uniti.
Statut ta’ refuġjat fl-Istati Uniti…
Kif rifes l-art ħassu fl-aħħar bħala raġel liberu
Wara snin jaħrab f’art twelidu, Cheng irnexxielu jmur u jgħix għal qasir żmien fit-Tajlandja. Fil-ħames snin li għamel f’dan l-aħħar pajjiż, huwa xorta ma ħassux sigur. Eventwalment dan ingħata statut ta’ refuġjat fl-Istati Uniti. F’Lulju tal-2020 Cheng laħaq ix-xewqa tiegħu li jkun raġel liberu meta niżel f’ajruport fl-Istati Uniti. Issa huwa mistenni li jikxef dak kollu li għadda minnu taħt idejn is-CCP f’konferenza li se ssir f’Washinton imtella’ minn ETAC.
F’din il-konferenza se jattendu għadd ta’ uffiċjali għolja. L-ETAC hija organizzazzjoni li ma tagħmilx profit magħmula mminn avukati, akkademiċi, etiċi, professjonisti mill-qasam mediku, riċerkaturi u attivisti għad-drittijiet tal-bniedem ddedikati li jwaqqfu t-teħid sfurzat ta’ organi għad-donazzjoni fiċ-Ċina.
Persuna waħda minn eluf ta’ vittmi
David Matas, avukat għad-drittjiet internazzjonali tal-bniedem u co fundatur ta’ ETAC, qal li Cheng huwa uniku u li jirrappreżenta persuna waħda biss minn eluf ta’ vittmi ta’ trapjanti sforzati fiċ-Ċina. Speċifika wkoll li Cheng, però, baqa’ ħaj u ħarab biex issa jista’ jirrakkonta bla xkiel dak kollu li għadda minnu.
“Cheng huwa vittma tipika tat-teħid ta’ organi fiċ-Ċina minħabba l-prattika tal-Falun Gong. Is-CCP serqulu l-organi. Min-naħa l-oħra huwa każ rari li salva u ħarab kemm mill-awtoritajiet Ċiniżi kif ukoll miċ-Ċina. Bħal persuni oħra li jipprattikaw il-Falun Gong, Cheng qatt ma ġie avżat li se jeħdulu mill-organi u lanqas qalulu b’kollox wara. Huwa sar jaf dan kollu wara li ħarab miċ-Ċina u sarulu eżaminazzjonijiet mediċi,” kompla Matas. Żied li l-każ ta’ Cheng huwa fenomenu mifrux fiċ-Ċina fejn din ir-realtà ġiet aċċettata bħala norma. Dan meta fil-verità, dak li qiegħed jiġri f’dan il-pajjiż Komunist hija “realtà barbarika ta’ qtil tal-massa tal-membri tal-Falun Gong biex jeħdulhom l-organi”.
Organi għal dawk li lesti jħallsu…
Huwa rrapportat li t-teħid sfurzat jew bla permess tal-organi fiċ-Ċina beda fil-bidu tas-seklu 21. Organi vitali saru disponibbli fi ftit ġranet għal dawk lesti li jħallsu għalihom. Tant huwa hekk li sas-snin tal-2000, sptarijiet statali u mijiet ta’ websajts indipendennti bdew javżaw li l-lista ta’ stennija għall trapjanti ta’ organi fosthom qlub, fwied, kliewi u kornea, kienet qasira. Hawn, dan in-negozju, sploda.
Maż-żmien korpi internazzjonali bdew jispekulaw li l-ammonti kbar ta’ provvisti ta’ organi fiċ-Ċina sempliċiment ma setgħux ikunu ġejjin minn donazzjonijiet volontarji u legali. Kien għalhekk li bdew jinvestigaw. Fil-fatt, m’għaddiex wisq żmien sakemm bdew joħorġu stejjer ta’ sofferenzi u fl-2021, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Kummissarju Għoli tad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjara li rċieva informazzjoni kredibbli li l-istat taċ-Ċina ffaċilità t-teħid sfurzat ta’ organi minn għadd ta’ gruppi ppersegwitati. Dan b’mod partikolari minn dawk li jippratttikaw il-Falun Gong.
Tribunal fiċ-Ċina stess joħroġ bi stima xokkanti
Sadanittant, it-Tribunal taċ-Ċina, li huwa tribunal indipendenti tan-nies, ippresedut mill-Ingliż Sir Geoffrey Nice, fl-2020 ikkonkluda li t-teħid sfurzat ta’ organi mill-Istat Ċiniż ta’ priġunieri huwa att kriminali kontra l-umanità. Dan it-tribunal jikkalkula li ta’ kull sena, saru bejn 60,000 u 100,000 trapjanti mingħajr kunsens jew minn priġunieri li mietu waqt li kienu arrestati. Il-pass li jmiss issa, huwa li jsir pjan ta’ azzjoni internazzjonali kontra t-teħid illegali ta’ organi.
Beijing min-naħa tiegħu għal diversi drabi ċaħad tali akkużi. Minflok insista li qatt ma ttieħdu bil-forza organi mingħand priġunieri u żied li fl-2015 waqaf juża organi minn priġunieri li ngħataw sentenza tal-mewt.