Saturday, December 21, 2024

Ċiniżi spiċċaw ipartu affarijiet personali ma’ ikel minħabba l-lockdown

Aqra wkoll

Għadd ta’ residenti li jinsabu fi kwarantina stretta fil-belt Ċinża ta’ Xi’an qiegħed ikollhom ipartu għadd ta’ affarijiet personali ma’ provvisti tal-ikel, u dan hekk kif it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ ikel f’din il-belt qed ikompli jippersisti. 

Filmati fuq il-midja soċjali kienu juru residenti jpartu affarijiet bħal sigaretti u gadgets elettroniċi ma’ ikel. Madwar 13-il miljun persuna jinsabu magħluqin fi djarhom u fil-preżent ma jistgħux iħallu djarhom biex jixtru l-ikel. Dawn ilhom fi kwarantina mit-23 ta’ Diċembru li għadda. 

Fl-aħħar jiem, għadd ta’ ċittadini tkellmu fuq il-midja soċjali dwar is-sitwazzjoni prekarja li għaddejjin minnha. Min-naħa tagħhom l-awtoritajiet qed jipprovdu ikel b’xejn lir-residenti ta’ din il-belt, iżda ħafna qed isostnu li l-provvisti tagħhom huma baxxi ħafna u kien hemm minn saħansitra ma rċieva xejn. 

Filmati u ritratti mxandrin fuq il-midja soċjali Weibo kienu juru nies ipartu sigaretti ma’ kaboċċa, sapun tal-ħasil ma’ tuffieħ, u prodotti sanitarji ma’ ħaxix. Filmat partikolari kien juri resident ipartat Nintendo Switch ma’ pakkett noodles u żewġ panini. 

Fil-preżent Xi’an hija l-epiċenju tal-pandemija tal-Covid-19 ġewwa ċ-Ċina, u fid-dawl ta’ dan l-awtoritajiet tal-pajjiż qed jieħdu miżuri drastiċi biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, miżuri li qed iġibu l-kritika ta’ bosta.

Ekonomija

Sport