Ċipru akkuża lit-Turkija li din qiegħda tipprova tieħu l-kontroll kollu fit-Tramunana tal-pajjiż u dwar dan l-awtoritajiet Ċiprijotti se jkunu qed iressqu talba formali quddiem in-Nazzjonijiet Uniti. Dan qalu l-President Ċiprijott Nicos Anastasiades.
Anastasiades, li huwa Grieg-Ċiprijott, qal li l-assistenza finanzjarja ġdida li t-Turkija se tagħti lis-separatisti Torok-Ċiprijotti fit-Tramuntana flimkien ma’ tibdil fl-ivvjaġġar tal-ajru fiż-żona huma turija ċara li Ankara qiegħda tipprova tieħu “l-kontroll totali” tat-Torok-Ciprijotti fit-Tramuntana.
Ċipru hija gżira etnikament maqsuma bejn minorità ta’ Torok-Ċiprijotti fit-Tramuntana u Griegi-Ċiprijotti fin-Nofsinhar. Ta’ min jgħid li t-Turkija biss tirrikonoxxi l-indipendenza tat-Torok-Ċiprijotti.
Dwar dan, il-mexxej Tork-Ċiprijott Ersin Tatar qal li l-rimarki ta’ Anastasiades huma “propaganda Griega-Ċiprijotta” u qal li l-għajnuna finanzjarja li se tingħata lil din iż-żona hija importanti biex terġa’ tqajjem l-ekonomija.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-grupp paċifiku bl-isem ta’ Ċipru Magħqud Illum qal li attivitajiet li qiegħda tippjana t-Turkija se jwasslu biex il-libertà tal-esprezzjoni fit-Tramuntana ta’ Ċipru tiġi mxekkla u dan hekk kif bil-miżuri proposti għadd ta’ ċittadini Torok se jkunu jistgħu jixtru proprjetà fuq din il-gżira u l-awtoritajiet reliġjużi se jingħataw iktar saħħa.