Wednesday, July 16, 2025

Ċirku vizzjuż…attakki…korporazzjonijiet ikabbru l-profitti….jiżdiedu l-iġsma tal-Palestinjani

- ir-rapport ‘Minn Ekonomija tal-Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju” ta’ Francesca Albanbese

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ftit wara li Francesca Albanese, li hi r-rapporteur speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, spiċċat b’sanzjonijiet mill-amministrazzjoni ta’ l-Istati Uniti mmexxija minn Donald Trump, it-tlett kummissarji mill-Inkjesta Kunsill għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, liema kunsill kien qed jinvestiga lil Iżrael, issottomettew ir-riżenja tagħhom.  Albanese, ġiet sanzjonata talli kritikat bl-aħrax u fil-miftuħ l-offensiva militari ta’ Iżrael f’Gaża u li bla tlaqlieq irreferiet għal dak li qed iseħħ bħala ‘ġenoċidju’. Hi għadha kif lestiet rapport intitolat “Minn Ekonomija ta’ Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju” u fih tkellmet dwar iċ-ċirku vizzjuż ta’ kif l-attakki qegħdin iwasslu biex kumpaniji jkabbru l-profitti waqt li jiżdiedu l-imwiet.  Sa issa ħafna gvernijiet inkluż dawk Ewropej baqgħu siekta

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Marco Rubio fl-aħħar sigħat qal li l-Istati Uniti kienu qed jissanzjonaw lil Albanese talli involviet ruħha direttament fl-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex tipproċedi kontra ċittadini Amerikani jew Iżraeljani.  It-tlett membri,  Navi Pillay mill-Afrika t’Isfel, Miloon Kothari mill-Indja u Chris Sidoti mill-Awstralja irriżenjaw nhar it-Tnejn. 

Wara l-kunflitt bejn il-militanti f’Gaża  u Iżrael fir-rebbiegħa tas-sena 2021, il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilixxa l-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti għal Inkjesta dwar it-Territorju Palestinjan Okkupat. Finalment din il-kummissjoni kellha tim ta’ 24 persuna li imbagħad tnaqqsu għal 18 u kienet immexxija minn tlett Kummissarji. 

Fix-xhur ta’ wara it-tlett Kummissarji għal aktar minn darba kienu akkużati li huma żbilanċjati kontra Iżrael u f’xi każi anki sarulhom akkużi dwar l-anti semitiżmu.  Per eżempju Chris Sidoti kien ġie kritikat bl-aħrax meta qal li ‘l-Lhud jitfgħu l-akkużi qishom bħal meta jintefa’ ir-ross waqt tieġ”.  Iċ-Ċermen, Navi Pillay qalet li r-riżenja tagħha kienet minħabba l-età, kwistjonijiet mediċi u anke minħabba impenji oħra.

Waqt li din ir-riżenja qajmet tħassib, u tista’ anke toħloq problemi biex jinħatru membri ġodda minħabba l-pressjoni li saret mill-istati Uniti fuq Albanese. Kien hemm min ħareġ ukoll ikanta ‘vittorja’ kif tħabbru dawn ir-riżenji. Wieħed minn tal-ewwel li kkumment kien  is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubbio   li ħabbar li l-kumpaniji tal-Istati Uniti huma miżmumin milli jaħdmu ma’ Albanese, li anke hi projbita milli tmur fl-Istati Uniti. 

Minn naħa tiegħu, Hillel Neuer, id-Direttur Eżekuttiv ta’ UN Watch, sostna li “din il-ġimgħa qegħdin naraw is-sitwazzjoni tibda tikkrolla. L-ewwel, is-Segretarju tal-Istat Marco Rubio għamel id-deċiżjoni storika li jissanzjona lil Francesca Albanese – ir-rapporteur favur il-Hamas tan-Nazzjonijiet Uniti u dan wara kampanja qawwija li saret minn UN Watch. Issa qegħdin jitilqu mill-vapur –  mill-Inkjesta mill-Kunsill għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, l-arkitetti.  Is-sitwazzjoni qiegħda tinqaleb”. 

Nour qal li “din kienet Kummissjoni li twieldet bi preġudizzji. L-għan tagħha kien li tattakka lil Iżrael waqt li tinjora lill-Hamas, lil Hezbollah u lill-Awtorità Palestinjana. Il-membri ta’ dik il-kummissjoni intgħażlu b’mod preċiż minħabba l-ostilità li għandhom lejn l-Istat ta’ Izrael. 

Il-profitti ta’ kumpaniji kbar u b’poter ikomplu jikbru…

….waqt li jkomplu jiżdiedu l-iġsma tal-Palestinjani f’Gaża

U lil hinn minn din il-kontroversja jispikka ir-rapport li għadu kif tlesta minn Francesca Albanese, intitolat ‘Minn Ekonomija tal-Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju”.  Hawn tispjega fid-dettal kif il-profittii ta’ kumpaniji kbar qegħdin ikomplu jiżdiedu, waqt li aktar katavri Palestinjani qed jispiċċaw fil-kmamar mortwarji, oqbra tal-massa, jew imxerrdin fit-toroq ta’ Jabaliya u Khan Younis.

Fir-rapport hi qiegħda titkellem dwar il-poter u tiddikjara li dan il-“poter” mhux biss inkorporat minn Iżrael jew saħansitra mill-Istati Uniti, iżda minn komunità internazzjonali li r-rilevanza kollettiva tagħha traġikament falliet milli twaqqaf il-ġenoċidju li għaddej f’Gaża.

L-aħħar rapport tagħha, Mill-Ekonomija tal-Okkupazzjoni għall-Ekonomija tal-Ġenoċidju, ippreżentat lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ftit jiem ilu, joħloq terremot. Jimplika bla heda kumpaniji li mhux biss ħallew lil Iżrael isostni u jestendi l-gwerra u l-ġenoċidju tiegħu kontra l-Palestinjani, iżda wkoll jikkonfronta lil dawk li baqgħu siekta quddiem dak li qed iseħħ. 

Dan ir-rapport minn Albanese hu meqjus bħala akkuża qawwija tal-involviment korporattiv dirett, mhux biss fil-ġenoċidju Iżraeljan li għaddej f’Gaża, iżda wkoll f’dak li jissejjaħ il-proġett ġenerali ta’ Iżrael li jaħtaf aktar artijiet.

‘Dan il-ġenn irid jieqaf”

Francesca Albanese tiddikjara ċar u tond b’rabta ma’ dak li qed iwettaq Iżrael, li “dan il-ġenn jeħtieġ li jieqaf, u, peress li n-Nazzjonijiet Uniti mhix kapaċi twaqqfu, allura gvernijiet individwali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u nies ordinarji jridu jagħmlu xogħolhom.”

Irid jingħad li lura għal Frar tas-sena 2020, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti ħareġ database li fiha issemmew xejn inqas minn 112-il kumpanija involuti f’attivitajiet kummerċjali illegali Iżraeljani fil-Palestina okkupata. Id-database tikxef diversi korporazzjonbijiet fosthom Airbnb, Booking.com, Motorola Solutions, JCB, u Expedia u tallega li dawn għenu lil Iżrael iżomm l-okkupazzjoni militari u l-apartheid tiegħu.

Din id-database kienet tqieset bħala pass importanti li ppermetta lis-soċjetajiet ċivili jimmobilizzaw ruħhom u b’hekk jagħmlu pressjoni fuq il-korporazzjonijiet u l-gvernijiet individwali biex jieħdu pożizzjonijiet iggwidati moralment. Dan kien wassal għal reazzjoni qawwija kemm mill-Istati Uniti u kemm minn Iżrael. 

Jingħad ċar u tond li l-ġenoċidju Iżraeljan f’Gaża, li beda fis-7 ta’ Ottubru 2023, wera l-falliment totali tal-mekkaniżmi eżistenti kollha tan-Nazzjonijiet Uniti biex jilħqu anke l-aktar aspettattivi bażiċi fosthom li jitimgħu popolazzjoni bil-ġuħ matul żmien ta’ ġenoċidju. B’mod sinifikanti, din kienet l-istess konklużjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres, li, f’Settembru tas-sena 2024, iddikjara li d-dinja kienet “falliet lin-nies ta’ Gaza.”

Dan il-falliment kompla għal ħafna xhur oħra u ġie enfasizzat fl-inkapaċità ta’ l-istess Nazzjonijiet Uniti biex twassal u tqassam l-għajnujna f’Gaża. Dan għax spiċċat fdat ix-xogħol lil dik li ssejħet il-Fondazzjoni Umanitarja ta’ Gaza. 

Albanese ma tonqosx li tipponta s-swaba lejn il-komunità internazzjonali talli “falliet b’mod epiku” li twaqqaf il-gwerra u li ttemm il-“qtil bla sens ta’ ċivili innoċenti.” Ir-rapport il-ġdid ta’ Albanese jmur pass ieħor ‘il quddiem, u jappella lill-umanità kollha biex tieħu pożizzjoni morali u tikkonfronta lil dawk li għamlu l-ġenoċidju possibbli. 

Tiddikjara fir-rapport li “attività kummerċjali li tippermetti u tagħmel profitti mill-qtil tan-nies innoċenti għandha tieqaf”. Tgħid ukoll li l-entitajiet korporattivi għandhom jirrifjutaw li jkunu kompliċi fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti internazzjonali jew li jinżammu responsabbli.”

Ir-rapport il-ġdid ta’ Albanese jmur pass ieħor ’il quddiem, din id-darba jappella lill-umanità kollha biex tieħu pożizzjoni morali u tikkonfronta lil dawk li għamlu l-ġenoċidju possibbli. “L-isforzi kummerċjali li jippermettu u jipprofittaw mill-qerda tal-ħajjiet ta’ nies innoċenti għandhom jieqfu,” jiddikjara r-rapport, filwaqt li jitlob b’mod ċar li “l-entitajiet korporattivi għandhom jirrifjutaw li jkunu kompliċi fi ksur tad-drittijiet tal-bniedem u delitti internazzjonali jew li jinżammu responsabbli.”

Ir-rapport jitkellem dwar  il-kategoriji ta’ kompliċità fil-ġenoċidju u jaqsamhom f’diversi taqsimiet fosthonm dawk f’manifatturi tal-armi, ditti tat-teknoloġija, kumpaniji tal-kostruzzjoni, banek, kemi tal-pensjonijiet, kumpaniji tal-assigurazzjoni u universitajiet.  Jissemmew kumpaniji bħal Lockheed Martin, Microsoft, Amazon, Palantir, IBM, u anke Maersk, fost kważi 1,000 ditta oħra. 

Il-kunflitt f’Gaża llum ġalla kważi 60,000 bla ħajja u madwar  134,000 spiċċaw feruti.

Imma issa x’se jiġri mir-rapport ta’ Albanese…

…il-mistoqsija li trid issir hi ‘x’se nagħmlu aħna”

Ir-rapport ta’ Albanese ma jistax jibqax jibqa’ fuq l-ixkaffa. X’se jiġri dwaru iżda mhux magħruf. Lil hinn minn dan imma kull wieħed u waħda minnha nistgħu nagħmlu il-biċċa tagħna. Ir-rapport jista’ jservina ta’ referenza u jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet responsabbli, kemm individwalment u kemm bħala soċjetà ċivili. Il-pass li jmiss hu li tibda ssir pressjoni.  U li jibdew jinżammu responsabbli il-kumpaniji korporattivi involuti. 

Francesca Albanese tgħid ċar u tond fir-rapport li l-ġenoċidju li għaddej qiegħed iħalli profitti. U hu għalhekk li qed jitħalla għaddej. Fuq naħa għandek lil Iżrael iżid bi kbir in-nefqa  militari tiegħu li hu stamt li żdiedet b’60 fil-mija u telgħet għal $46.5 biljun.

Ċirku ta’ profitti

U ma trid tkun għaref wisq biex tinduna kif jaħdem dan iċ-ċirku ta’ profitti. Hu ċar ħafna kif  l-Istati Uniti dejjem appoġġjat b’mod qawwi lil Iżrael. Il-baġit militari ta’ Iżrael li  parti sew tiġi mill-Istati Uniti, jispiċċa riċiklat lura permezz ta’ korporazzjonijiet  ibbażati fl-Istati Uniti, u b’hekk jinfirex il-ġid bejn gvernijiet, politiċi, korporazzjonijiet, u bosta kuntratturi. Ċirku vizzjuż….kontijiet u profitti jiżdiedu….u magħhom l-iġsma f’Gaża.

Albanese dan issejjaħlu ‘ġenn’.  U sitwazzjoni hi tali li n-Nazzjonijiet Uniti mhix kapaċi twaqqaf dan il-kunflitt u dan il-qtil. Quddiem dan il-gvernijiet, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u n-nies inġenerali jridu jieħdu huma l-iniżjattiva għax il-ħajjiet tal-Palestinjani għandhom ikunu ta’ valur ferm akbar mill-profitti u r-regħba tal-korporazzjonijiet korporattivi. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport