Sunday, October 27, 2024

Cisk 0.0 issa wkoll fl-Indja 

Aqra wkoll

Il-birra lager bla alkoħol, Cisk 0.0, prodotta f’Malta minn Simonds Farsons Cisk plc u rebbieħa ta’ diversi premjijiet, tnediet ukoll fl-Indja bi sħab ma’ A & Z Exports International, l-importatur u d-distributur ta’ Cisk 0.0 fl-Indja. L-ewwel żewġ attivitajiet minn sensiela ta’ avvenimenti marbutin mat-tnedija ta’ din il-birra fl-Indja ttellgħu l-ġimgħa l-oħra fil-bliet ta’ Delhi u Jalandhar.

Fix-xhur li ġejjin hemm ippjanati għadd ta’ konsenji lejn l-Indja u, malli l-prodott ikun ilu ftit fis-suq, il-kumpanija u l-imsieħba tagħha jkunu f’qagħda aħjar biex jevalwaw il-potenzjal kollu li għandha din il-birra lager fis-suq Indjan.

Iċ-Cisk 0.0 ħarġet fis-suq f’April tas-sena l-oħra u hi l-aħħar żieda fil-portfolju tal-marka Cisk. Ftit xhur wara, Cisk 0.0 kisbet midalja tad-Deheb fl-International Brewing and Cider Awards 2021. Cisk 0.0 kisbet ukoll l-Overall Trophy fost ir-rebbieħa tad-Deheb tat-tliet klassijiet tal-istess kategorija, li inkludew il-birer ta’ bla alkoħol, b’alkoħol baxx, u b’alkoħol baxx ħafna.

Is-Sur Michael Farrugia, Direttur Eżekuttiv, qal li “dan hu bidu promettenti għaċ-Cisk 0.0 fl-Indja, u mir-reazzjonijiet li kellna s’issa mill-konsumaturi u d-distributuri, il-prospetti jidhru inkoraġġanti. Minkejja dan, għadu ftit kmieni biex nieħdu ritratt tas-sitwazzjoni, u rridu bejn 12 u 18-il xahar ċans biex naraw b’mod aktar konkret jekk l-istrateġija tal-kumpanija għat-tnedija ta’ dan il-prodott fis-suq Indjan kinitx suċċess. L-ewwel reazzjonijiet li qed jidħlulna jagħmlulna l-qalb u, b’responsabbiltà, qed inħarsu ’l quddiem għal din l-isfida l-ġdida ta’ esportazzjoni f’suq ġdid għalkollox għalina.”

Sport