Sunday, December 22, 2024

Cisk 0.0 tirbaħ il-Fidda fl-International Beer Challenge 2024 

Aqra wkoll

Cisk 0.0, lager bla alkoħol, kisbet midalja tal-fidda fil-kategorija tal-Low or No Alcohol Beers tal-International Beer Challenge (IBC) ta’ din is-sena fir-Renju Unit. 

Matul is-snin, l-IBC ippremjat u tat viżibbiltà lill-aqwa birer tad-dinja. F’din il-kompetizzjoni tidħol firxa ġmielha ta’ birer, u din is-sena s-sottomissjonijiet waslu minn xejn inqas minn 30 pajjiż, inkluż minn dawk il-pajjiżi li huma meqjusin il-qalba tal-produzzjoni tal-birra.

Il-ġurija kienet magħmula minn uħud mill-aqwa ġurati tal-birra fid-dinja – bejjiegħa, importaturi, sidien ta’ dverni, birrara, kittieba, u analisti tat-togħma. Il-membri tal-ġurija l-ewwel jistudjaw kull birra individwalment, billi jqisu d-dehra, l-aroma, it-togħma u l-palat tagħha, imbagħad jiddiskutu l-fehmiet tagħhom flimkien. 

“Mhux faċli tikseb premju fil-kategorija relattivament ġdida tal-birer bi ftit jew xejn alkoħol, u l-midalja li rbaħna fil-kompetizzjoni ta’ din is-sena hija kisba oħra li tkompli tixhed ċar l-impenn sħiħ tal-birrara tagħna għall-kwalità u l-innovazzjoni,” qal is-Sur Eugenio Caruana, Chief Operations Officer ta’ Simonds Farsons Cisk plc. 

Dan mhuwiex l-ewwel unur ta’ Cisk 0.0. Ftit xhur biss wara li tnediet fl-2021, il-birra rebħet midalja tad-deheb fil-kategorija Non & Low Alcohol Beer – Class 1 tal-International Brewing and Cider Awards 2021, ir-Renju Unit. Barra minn hekk, Cisk 0.0 ingħatat ukoll it-trophy minn fost ir-rebbieħa kollha tad-Deheb tat-tliet klassijiet fl-istess kategorija.

Is-Sur Michael Farrugia, Deputy Chief Executive (Beverage Business) ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li, “Il-portafoll tal-birer Cisk akkwista diversi unuri prestiġjużi internazzjonali tul is-snin, u din l-aħħar midalja mill-IBC tkompli tagħmilna kburin bil-marka Cisk. Dawn il-premjijiet huma tabilħaqq turija ta’ kwalità u konsistenza.”

Il-birra Cisk 0.0 tissajjar bl-istess ingredjenti tradizzjonali u naturali ta’ Cisk. Titħalla tiffermenta u timmatura, imbagħad jitneħħilha l-alkoħol kollu bi process ġentili maħsub apposta għat-tneħħija tal-alkoħol mill-birra b’tali mod li t-togħma u l-aroma tal-frott u x-xgħir, li huma sinonimi mal-marka Cisk, jibqgħu fiha.

Il-birer tal-portafoll Cisk huma prodotti, irreklamati u mqassma minn Simonds Farsons Cisk plc.

Ekonomija

Sport