Saturday, October 26, 2024

Ċittadini tar-Renju Unit f’Malta mħeġġa sabiex jirreġistraw għall-permess il-ġdid ta’ residenza

Aqra wkoll

Malta l-ewwel fost il-pajjiżi Ewropej li tassigura status ta’ residenza lil ċittadini Ingliżi residenti

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u l-Kummissarju Għoli għar-Renju Unit Cathy Ward ħeġġew liċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Malta sabiex jirreġistraw għall-istatus ta’ residenza l-ġdida tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat iddikjara li Malta għandha rabtiet storiċi li ilhom jeżistu mar-Renju Unit. Ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn Malta u r-Renju Unit mhumiex limitati biss għall-isferi politiċi u ekonomiċi. “Il-Gvern Malti huwa kommess li jżomm relazzjonijiet bħal dawn b’mod qawwi. Dan huwa fil-fatt għaliex Malta tinsab fuq quddiem nett biex tipprovdi serħan il-moħħ lil ċittadini Ingliżi residenti hawn li se jkomplu jagħmlu dan anke wara BREXIT”, enfasizza s-Sur Muscat.

“Kien tassew unur li jkollok l-Istitut tal-Politika tal-Migrazzjoni li mhux biss jirrikonoxxi l-isforzi mwettqa mill-awtoritajiet Maltin bi tħejjija għall-BREXIT iżda faħħar ukoll lil Malta bħala l-mudell għal pajjiżi Ewropej oħra”, qal is-segretarju parlamentari.

Mill-informazzjoni miġbura n-numru ta’ ċittadini Ingliżi residenti f’Malta, għal raġunijiet diversi, fosthom li jistudjaw u jaħdmu, jammonta għal kważi 14,000.

Fix-xhur ta’ qabel Frar ta’ din is-sena, Identity Malta bdiet eżerċizzju biex tiġbor informazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini Ingliżi kollha li jgħixu Malta. Dan l-eżerċizzju sar b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit bi tħejjija għall-ħruġ eventwali tar-Renju Unit mill-UE. L-intenzjoni dejjem kienet li tipprovdi tranżizzjoni bla xkiel għaċ-ċittadini Ingliżi kollha li jgħixu Malta ladarba sseħħ il-Brexit.

Fil-ġimgħat preċedenti, Identity Malta organizzat ukoll kampanja informattiva fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali tagħha u qassmet fuljetti sabiex tinforma lil benefiċjarji potenzjali dwar id-drittijiet tagħhom u l-proċess ta’ applikazzjoni li jinvolvi.

Malta se toħroġ permess ta’ residenza ta’ 10 snin lil ċittadini tar-Renju Unit li bħalissa qed jgħixu f’pajjiżna li jippermettilhom ikomplu jirrisjedu, jaħdmu u jistudjaw f’Malta. Dan ifisser li wara l-31 ta’ Diċembru 2020, ċittadini tar-Renju Unit residenti f’Malta għandhom ikomplu jagħmlu dan u jistgħu jiċċaqalqu liberament barra mill-pajjiż kif stipulat fil-Ftehim ta’ Irtirar UE-Renju Unit u l-liġijiet nazzjonali. L-istess drittijiet jiġu estiżi wkoll għall-membri tal-familja tagħhom, sakemm il-benefiċjarju ewlieni jkun daħal f’relazzjoni.

Fir-rigward ta’ ċittadini tar-Renju Unit li waslu Malta matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni jew li se jaslu sal-31 ta’ Diċembru 2020, jeħtieġ li japplikaw għad-dokument ta’ residenza l-ġdid tagħhom wara tliet xhur mill-wasla tagħhom jew qabel il-31 ta’ Ġunju 2021, liema minnhom ikun l-aktar tard.

Is-Segretarju Parlamentari Muscat sostna li l-Gvern ta’ Malta se jżomm il-wegħda tiegħu maċ-ċittadini tar-Renju Unit li jaslu wara l-1 ta’ Jannar 2021 li se jinħarġilhom permess ta’ residenza ta’ 10 snin minkejja li jkollhom bżonn jiksbu permess biex jgħixu, jaħdmu jew jistudjaw f’Malta.

Il-Kummissarju Għoli Ingliż Cathy Ward faħħret lill-ħaddiema tal-Aġenzija Identity Malta. Is-Sinjura Ward tenniet li, “Ir-reġistrazzjoni għall-karta ta’ residenza ġdida hija importanti li ssir fiż-żmien li ġej sabiex ċittadini tar-Renju Unit jkunu jistgħu jirresjedu f’Malta. Se tipproteġi d-drittijiet tiegħek sabiex tkompli tirresjedi, taħdem u tistudja f’Malta. Inħeġġeġ lil dawk iċ-ċittadini tar-Renju Unit kollha li għadhom ma rreġistrawx biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun”.

Matul ix-xhur li għaddew, Identity Malta kienet responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mad-Drittijiet taċ-Ċittadini kif deskritt fil-Ftehim ta’ Irtirar UE-Renju Unit. L-Aġenzija immedjatament laħqet il-benefiċjarji potenzjali kollha tar-Renju Unit f’Malta u bdiet taċċetta applikazzjonijiet ġodda ta’ residenza kmieni minn Frar 2020. B’hekk pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż mill-istati membri tal-UE li beda jaċċetta dawn l-applikazzjonijiet. Barra minn hekk, Identity Malta organizzat kampanja informattiva u ħadmet mill-qrib mal-Kummissjoni Għolja għar-Renju Unit f’Malta sabiex tiffaċilita l-proċess.

Id-dokument ta’ residenza l-ġdid, li huwa karta sigura ħafna hekk kif stabbilit bir-regolamenti tal-UE, qed jinħareġ l-ewwel lil dawk l-applikanti li d-dokument ta’ residenza eżistenti tagħhom skada, hekk kif il-bqija tal-karti jinħarġu kmieni s-sena d-dieħla. Sadanittant, karti eżistenti fiċ-ċirkolazzjoni se jibqgħu validi.

Sa issa kien hemm aktar minn 6,600 benefiċjarju potenzjali tar-Renju Unit li applikaw għad-dokument il-ġdid ta’ residenza tagħhom – jiġifieri kważi 50% ta’ dawk eliġibbli biex japplikaw. Fil-ġimgħat li ġejjin l-Aġenzija Identity Malta se tkompli tassisti lill-benefiċjarji tar-Renju Unit kif xieraq.

Il-proċess ta’ applikazzjoni sabiex jinbidel l-istatus ta’ residenza ġie mqassam skont il-lokalità, bl-ewwel sejħa ngħalqet il-ġimgħa li għaddiet. Applikanti li għal xi raġuni jew oħra naqsu milli jmorru għall-appuntament tagħhom fid-dati indikati xorta jistgħu japplikaw sat-30 ta’ Ġunju 2021 matul il-ħinijiet normali tal-uffiċċju.

Sport