Id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg kompliet għaddejja fil-Parlament b’domandi dwar kuntratti jew direct orders li ngħataw lil Marigold Foundation.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li l-Water Services Corporation tat lill-Marigold Foundation l-ammont ta’ €2,500 fl-2016, €2,755 fl-2017, €2,500 fl-2018, €8,750 fl-2019 u €3,750 fl-2020, filwaqt li fis-sena 2019, l-Enemed tat lill-Marigold Foundation is-somma ta’ €5,665.
“Ta’ min jirrimarka li dawn il-fondi huma indirizzati lil għaqdiet li jaħdmu ma’ pazjenti tal-kanċer bħala parti mill-kampanja ta’ Marigold, mhux għall-fondazzjoni nnifisha,” tenna Farrugia.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Byron Camilleri qal li “l-Forzi Armati ta’ Malta assistiet b’assi minn fuq il-baħar fl-għawma annwali organizzata minn Marigold Foundation bejn l-2015 u l-2019, u pprovdiet spazju għall-ballu li sar f’Ottubru tas-snin 2017 u 2018. Fl-2017, l-MRVA tat id-donazzjoni ta’ €5,000 lill-Marigold Foundation u Identity Malta kkontribwiet €2,000 għall-kampanja Pink October tas-sena l-oħra. Dawn il-fondi huma indirizzati lil għaqdiet li jaħdmu ma’ pazjenti tal-kanċer bħala parti mill-kampanja ta’ Marigold, u mhux għall-fondazzjoni nnifisha.”