L-eks Ministru Clayton Bartolo għamel apoloġija fil-Parlament wara r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-laqgħat sussegwenti tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Ir-rapport kien dwar l-ingaġġ ta’ Amanda Muscat, il-mara ta’ Bartolo, fil-Ministeru għal Għawdex. Muscat kienet tat lura s-somma ta’ €16,407 wara d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Istandards.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu fil-Parlament, Clayton Bartolo qal li huwa kien ċar sa mill-ewwel ġurnata li ġie ppubblikat ir-rapport meta sostna li kien se joqgħod għal kwalunkwe deċiżjoni li se tingħata mill-Kumitat Parlamentari.
Fakkar kif wara li ħareġ ir-rapport imsemmi ma kellu l-ebda problema li jagħmel apoloġija pubblika. Saħaq li għalkemm ma jaqbilx għalkollox mar-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards, jirrispetta x-xogħol tiegħu u lilu personalment.
“Filwaqt li nagħmel apoloġija lil din il-Kamra, irrid inġib a konjizzjoni l-fatt li fl-ebda ħin ma ssemmew il-kliem frodi jew phantom job. Li kieku l-Kummissarju sab imqar indikazzjoni ta’ frodi jew misapproprjazzjoni kien ikun marbut bil-liġi li jirrapporta dan il-każ,” tenna Bartolo filwaqt li żied jgħid li fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti ħadd ma refa’ r-responsabbiltà għad-diversi skandli li kienu jissemmew.
“Nerġa’ nisħaq li fejn inqast m’għandi l-ebda problema nagħmel apoloġija. Però ċertu kummenti li ntqalu minn esponenti politiċi fil-fora pubblika wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ħolqu sitwazzjoni xejn pjaċevoli kemm fuq livell personali u anke familjari,” qal Bartolo.
Tenna li l-politika hi vokazzjoni u għal min jeħodha bis-serjetà hi missjoni li tpoġġik qrib in-nies li jagħtuk is-saħħa li ta’ kuljum tqum u taħdem għalihom. “Li hu żgur hu li l-empatija tagħna l-politiċi hi dik li tagħmel id-differenza bejn politiku u ieħor. Dawk l-istess nies li wrewni l-appoġġ tagħhom matul dawn is-snin li għaddew huma l-istess nies li għalihom se nkun qiegħed hawn fil-Parlament biex inkun il-vuċi tagħhom.”