Il-player Malti Clayton Castaldi jinsab fil-finali tal-Kampjonati Mondjali tal-Pool li qegħdin isiru ġewwa Agadir, il-Marokk. F’semi-finali mill-aktar eċċitanti Castaldi għeleb lil Richard Gifford minn Wales bl-iskor ta’ 10-9. Wara li kien 4-0 minn taħt, Castaldi żamm kalm u b’determinazzjoni ħareġ rebbieħ fil-frame deċisiv fost l-entużjażmu tal-partitarji u kollegi Maltin. Il-finali ser tintlagħab għada fl-4.15 pm ħin ta’ Malta.
It-tim taż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena kiseb post fil-finali tal-kategorija b’rebħa konvinċenti ta’ 8-2 fuq l-Irlanda u issa jiltaqa’ fil-finali kontra t-tim ta’ South Africa li fis-semi-finali għeleb lill-Awstralja 8-7. Il-logħba ser tintlagħab illejla fl-10.30pm u ser tintwerra diretta fuq il-kanali ta’ Youtube u Facebook tal-Malta Pool Association.
Sadanittant, it-tim Malti tal-irġiel tilef fil-fażi tal-kwarti tal-finali kontra l-Irlanda 11-5 filwaqt li t-tim tal-Over 50s safa megħlub fis-semi-finali mit-tim nazzjonali Ingliż 8-4. Iż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt it-23 sena sfaw ukoll eliminati fis-semi-finali mit-tim tal-Marokk li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 5-2.
Iż-żagħżugħ Steve Muscat safa megħlub fis-semi-finali tal-kategorija Under 18’s mill-Awstraljan Joshua Hands bl-iskor ta’ 7-5.