Friday, October 24, 2025

Cleavin Falzon … b’qalb kbira, ma weriex biss qawwa fiżika iżda wkoll qawwa morali u karattru

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-boxing Malti kellu mument storiku hekk kif Cleavin Falzon sar l-ewwel champion tal-heavyweight fil-pajjiż. Dan il-mument, li sar realtà fil-Padiljun tal-Isport ta’ Kordin, ma jħallix dubju dwar it-talent u d-dedikazzjoni ta’ dan l-atleta Bormliż, li mhux biss wera ħiliet straordinarji fil-boxing iżda wkoll il-qawwa ta’ karattru li jagħmluh l-atleta eċċezzjonali.

F’din il-ġlieda storika, Falzon affronta lill-boxer Malti ieħor, Fouad Wakil. Din kienet l-ewwel darba li żewġ boxers Maltin iġġieldu għat-titlu heavyweight f’pajjiżna, u l-attendenza kbira fil-Padiljun tat lilu l-enerġija u l-appoġġ li kien meħtieġ biex jasal għall-qofol tiegħu. Il-battalja bejn Falzon u Wakil kienet mimlija tensjoni, strateġija u forzi ta’ volontà, fejn kull round wera kemm l-atleti kienu determinati biex jiktbu l-istorja.

Ir-rebħa ta’ Falzon ma kinitx biss suċċess personali; kienet ġurnata li daħlet fl-istorja tal-boxing Malti. F’kull azzjoni, l-udjenza setgħet tara l-kontroll fuq l-avversarju u l-qalb ta’ Falzon – karatteristiċi li ma jaslux biss bil-qawwa fiżika iżda wkoll bil-maturità mentali li l-atleti professjonali jeħtieġu. Meta l-ġlieda spiċċat u Falzon ġie nkurunat bħala l-ewwel champion heavyweight tal-Malti kien kbar l-applawsi li kien hemm fil-Padiljun ta’ Kordin.

Filwaqt li ħafna jafu lil Falzon bħala boxer, ftit jafu li qabel il-ring kien jispikka wkoll fil-qasam tal-regatta. Il-Bormliż huwa membru stabbilit u meqjus ukoll bħala wieħed mill-atleti l-aktar versatili f’pajjiżna. Falzon, li ilu għaddej fil-qasam sportiv b’passjoni u dedikazzjoni, qal li din it-triq tiegħu mhux dejjem kien faċli.

“Għandi r-regatta u anke l-boxing u nista’ ngħidlek li xejn mhu faċli. Sports tqal jirrikjedu ħafna ħin u dedikazzjoni,” spjega. Huwa żied jgħid kif it-training fil-gym, l-ambizzjoni u l-għanijiet ċari kienu essenzjali biex jilħaq il-quċċata fil-boxing.

F’intervista miegħu, Falzon faħħar lill-persuni li kienu kkontribwew għas-suċċess tiegħu. “Iddedikajt din ir-rebħa lill-kowċ tiegħi, lis-saħħa u l-appoġġ tal-familja tiegħi u tas-sostenituri kollha. Il-kowċ Jos Mark Bonello kien fundamentali fil-preparazzjoni tiegħi, u ma nistax ma nsemmix lil Charlie Aquilina, Etienne Hayman u Jennifer Jenny li tawni appoġġ konsistenti,” qal b’passjoni.

Ma setax ma semmix lill-partner tiegħu, Brooke Grixti, li skont Falzon kienet fil-qalba tal-ispirazzjoni tiegħu tul il-preparazzjoni kollha.

Falzon ma nesiex lanqas lir-rivali tiegħu, Fouad Wakil, u lit-tim tiegħu: “Nagħti r-rikonoxximent tiegħi lil Fouad u lit-tim tiegħu talli organizzaw din il-ġlieda. Kienet sfida vera li ħalliet memorji għal dejjem.” Il-professjonalità ta’ Falzon kif ukoll ir-rispett lejn avversarji wera mhux biss il-maturità tiegħu bħala atleta imma wkoll il-karattru li jżomm il-boxing Malti f’livell professjonali.

L-avveniment stess kien kbir u mimli azzjoni. Minbarra l-ġlieda heavyweight bejn Falzon u Wakil, kien hemm 12-il ġlieda oħra, u tlieta minnhom kienu għal titli professjonali oħra, li wrew kemm il-boxing Malti qed jikber u qed iħares lejn l-ispirtu kompetittiv ta’ livell internazzjonali. L-organizzazzjoni mill-Prize Boxing Promotions, bl-appoġġ tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Boxing, kienet essenzjali biex dan l-avveniment jispiċċa b’suċċess u jagħti lin-nies esperjenza memorabbli.

Bħala bniedem li ġej minn żona storika bħal Bormla, Falzon qal li l-komunità tiegħu kienet ukoll parti minn dan is-suċċess: “Għandi unur għalija, għall-familja tiegħi, speċjalment għall-heavyweight division. Ksibna dan is-suċċess flimkien,” qal. Huwa rrakkonta kif il-passjoni u d-dedikazzjoni tiegħu għall-isport kemm fir-regatta kif ukoll fil-boxing kienu msejsa fuq valuri ta’ rieda, perseveranza u mħabba għal dak li jagħmel.

Ir-rebħa ta’ Falzon mhix biss rekord personali; hija simbolu ta’ kif l-atleti Maltin jistgħu jiksbu suċċessi internazzjonali billi jħaddmu talent, dedikazzjoni u appoġġ mill-qrib tal-familja, il-kowċ u l-komunità tagħhom.

Mill-baħar sar-ring, Falzon wettaq ħolma li ħafna kienu jimmaġinaw iżda ftit kisbu. L-istorja tiegħu tiġbor fiha messaġġ qawwi: li jekk għandek l-għanijiet ċari, tibqa’ dedikat u tħaddem il-ħila tiegħek b’mod strateġiku, il-mumenti storici jsiru realtajiet.

Il-boxing Malti issa qed iċċelebra l-ewwel champion heavyweight tiegħu, u Bormla tista’ tħares bi kburija lejn wieħed mill-atleti tagħha li wera li l-ħila, l-impenn u r-rispett lejn l-isport jistgħu joħolqu mumenti li jibqgħu fil-memorja għal dejjem. Cleavin Falzon, b’qalb kbira, ma weriex biss qawwa fiżika iżda wkoll qawwa morali u karattru, u hekk għamel il-pajjiż kollu jifhem li l-boxing Malti għandu futur brillanti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport