Sunday, November 24, 2024

Clevion Micallef konfermat bħala kowċ nazzjonali tal-blackball

Aqra wkoll

Il-Federazzjoni Maltija tal-Blackball ħabbret li estendiet il-kuntratt tal-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Clevion Micallef.

Micallef, li ilu jmexxi lit-tim Malti għal dawn l-aħħar erba’ snin, wettaq xogħol siewi filwaqt li taħt il-gwida tiegħu għen lit-tim jasal sal-kampjonati Ewropej u dawk dinjija filwaqt li l-plejers kisbu bosta suċċessi.

Clevion Micallef hu magħruf ukoll bħala kowċ li jagħti motivazzjoni kbira lill-plejers tiegħu u se jkun qed imexxi lit-tim għall-kampjonat Ewropew 2023 li se jsir f’pajjiżna f’Novembru li ġej.

Sadanittant wara r-ranking tournaments li għaddejjin bħalissa, saru magħrufa xi plejers li se jiffurmaw parti mit-timijiet nazzjonali Maltin.

Dejan Grech, Mevrick Zammit u Johan Attard kisbu l-kwalifikazzjoni għal Men’s A bi tliet oħra li jridu jiġu deċiżi wara li jkunu ntlagħbu aktar ranking tournaments.

Mit-tim ta’ taħt it-23 sena s’issa ġew ikkonfermati Matthias Debono u Deacon Formosa bl-erbgħa l-oħra li jridu jikkwalifikaw mir-ranking tournaments.

Sadanittant Clint Azzopardi u Stephen Mangion kienu l-ewwel plejers li kkwalifkaw għat-tim tas-Seniors b’ħamsa oħra li għad iridu jiksbu l-kwalifikazzjoni.

Mill-Malta Masters ta’ ‘l fuq minn 50 sena, Ivan Rizzo u Marco Bonello aċċertaw ruħhom minn post fit-tim, l-istess kif għamlu Mark Debono u John Lombardo fil-Malta Grandmasters ta’ ‘l fuq minn 60 sena.

Finalment, it-tim taż-żgħażagħ hu kollu komplut fejn Jake Castaldi, Chaylon Castaldi, Steven Muscat, Nick Muscat, Nordai Desira u Hayden Magro se jkunu qed jikkompetu għal Malta.

Sport