Saturday, October 26, 2024

Clint Camilleri: L-Għawdxin jaħdmu fil-gżira żdiedu bi 3,448

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri xejjen il-kritika tal-Oppożizzjoni li l-Gvern mhux jaħdem biżżejjed biex iżid in-numru tal-Għawdxin li jaħdmu fil-gżira billi sostna li taħt dan il-gvern żdiedu bi 3,448.

Waqt li kien qed jitkellem fis-seduta li fiha ġew diskussi l-estimi mħabbra fil-Budget 2021 għall-ministeru li jmexxi, Camilleri semma kif taħt Gvern Nazzjonalista kien hemm 8,167 Għawdxi jaħdmu fil-gżira mentri issa hawn 11,615 li tfisser żieda ta’ 42%.

Huwa sostna li l-impjiegi f’Għawdex qed jiżdiedu b’medja ta’ 400 fis-sena, u fl-aħħar sena r-ritmu kien ikbar għax żdiedu b’611, meta fl-aħħar sena ta-Gvern Nazzjonalista ż-żieda kienet ta’ 35 persuna.

Camilleri irrefera wkoll għall-vawċers li ta l-Gvern u semma kif dawn kienu kruċjali biex l-istabbilimenti Għawdxin setgħu jkomplu għaddejjin waqt li dwar il-‘wage supplement’ sostna li l-għajnuna tal-Gvern kopriet 45% tas-salarji u 4,200 ħaddiem.

Il-Perit Camilleri nsista li Għawdex dejjem kien prijorità għal dan il-Gvern u qatt daqs issa ma nħasset daqshekk il-bidla li qed issir fil-gżira bil-budget allokat għas-sena d-dieħla għal Għawdex ikun €52 miljun li huwa l-ikbar li qatt ingħata.

Huwa semma wkoll it-tnaqqis fin-noll għal dawk li jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer u l-ħruġ tar-rifużjoni fuq il-kera u kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji bħal żewġ miżuri oħra biex jgħinu lill-industrija.

Camilleri ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jopera t-tieni ‘fibre optic cable’ bejn Malta u Għawdex li se jattira investiment f’Għawdex relatat mal-gaming u l-internet.

Dwar il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer qal li r-raba’ vapur għamel differenza kbira waqt li dwar il-mina ikkritika lill-Oppożizzjoni dwar l-inċertezza li qed turi.

Camilleri elenka d-diversi proġetti infrastrutturali, fosthom fit-toroq, u nsista li dawn se jkomplu matul is-sena d-dieħla waqt li irrefera għar-reverse osmosis ġdida u nsista li din se tassigura provvista għal Għawdex li ma tkunx dipendenti fuq Malta.

Sport