Bil-Professur Edward Scicluna se jkun qed jirriżenja minn Ministru għall-Finanzi u minn Deputat biex jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali, postu mistenni li jieħdu Clyde Caruana.
Matul dawn l-aħħar xhur kien hemm bosta xnigħat li Scicluna kien intenzjonat li joħroġ mix-xena politika Maltija, u dawn komplew jiżdiedu b’mod partikolari f’dawn l-aħħar ġimgħat bil-co-option ta’ Caruana fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Il-ħatra ta’ Scicluna bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali tħabbret mill-Gvern wara li l-Gvernatur attwali tal-Banke Ċentrali, Mario Vella, se jkun qed jinħatar bħala Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Negozju mar-Renju Unit.
Dan fid-dawl li fl-1 ta’ Jannar 2021 se jkun qed jintemm il-perjodu tranżitorju ta’ Brexit u fir-Renju Unit jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda f’setturi differenti li jħallu impatt sinifikanti fuq pajjiżna.
Għaldaqstant, wara approvazzjoni mill-Bank Ċentrali Ewropew biex issir din il-ħatra, Vella se jkun qiegħed jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2020.
B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, il-Gvern għaldaqstant ippropona lill-Bank Ċentrali Ewropew li l-Professur Edward Scicluna jinħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Biex ikun jista’ jibda dan il-proċess, il-Prof. Scicluna se jkun qiegħed jirriżenja minn Ministru għall-Finanzi fil-jiem li ġejjin, u minn deputat tal-Parlament Malti sal-aħħar tas-sena.