Saturday, November 23, 2024

Cody Gakpo jingħaqad ma’ Liverpool b’mod uffiċjali

Aqra wkoll

Liverpool iffirmaw b’mod uffiċjali lill-attakkant Olandiż Cody Gakpo mingħand PSV Eindhoven għal £44 miljun. 

Il-club Olandiż qal li din is-somma li rċieva hija waħda rekord fl-istorja tiegħu. 

Gakpo, ta’ 23 sena, se jingħaqad uffiċjalment ma’ Liverpool fil-bidu tat-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar u l-kuntratt tiegħu jintemm f’Ġunju 2028.

“Ninsab ħerqan li nibda nitħarreġ u nibda nilgħab għal dan il-club mill-aqwa,” qal Gakpo.

“Bla dubju dan huwa wieħed mill-clubs il-kbar madwar id-dinja u rrid  nipprova nuri x’nista’ nagħmel u nipprova ngħin lit-team jikseb aktar suċċessi. 

“Personalment nemmen ukoll li huwa tajjeb għalija li niżviluppa hawn għax hawn players ta’ livell mondjali li nista’ nitgħallem minnhom.”

Gakpo, ingħaqad mar-Reds wara li kellu wirjiet impressjonanti fit-Tazza tad-Dinja li fiha skorja tliet goals fil-Fażi tal-Gruppi u għen lill-Olanda jaslu sal-kwarti-finali. 

Il-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, qal li Gakpo huwa l-player denju li jista’ jimla n-nuqqas ta’ Luis Diaz u Diogo Jota li qed jirkupraw minn injury fit-tul. 

Huwa kien f’forma tajba f’dan l-istaġun met skorja disa’ goals u pprovda 12-il assist f’14-il logħba tal-kampjonat għal PSV.

Huwa skorja wkoll tliet gools u rreġistra żewġ assists f’ħames logħbiet tal-UEFA Europa League. 

Fit-Tazza tad-Dinja, huwa skorja kontra s-Senegal, l-Ekwador u l-Qatar.

Sport