Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca kkritikat il-proġett tal-flyover tal-Imrieħel hekk kif staqsiet jekk “il-Qriema humiex se jkomplu jiġu misruqa minn spazji miftuħa u raba’ saqwi u minn arja tajba”.
Il-bdiewa u r-residenti Qriema wrew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-proġett li se jkun qed jieħu mal-20 tomna ta’ raba’ filwaqt li teqred l-attività tal-biedja fiż-żona.
Filwaqt li qalet li l-proġett huwa ta tħassib kbir għar-residenti Qriema, Coleiro Preca qalet li Ħal Qormi huwa mdawwar minn seba’ zoni industrijali u li t-tniġġis fl-arja kaġun tat-traffiku u vetturi kbar li jgħaddu mill-qalba tal-lokalità huma konsiderevoli.
Hija staqsiet ukoll jekk Infrastructure Malta hijiex konxja li Ħal Qormi saret ċentru ta’ kummerċ bi żvilupp rampanti a skapitu ta’ art agrikola.
Tenniet li Infrastructure Malta għandha tkun trasparenti u jippubblika l-istudji li twettqu fir-rigward ta’ kif il-proġett se jkun qed jimpatta l-lokalità. Dan filwaqt li jikkonsulta mal-kunsill lokali u mar-residenti.