Sunday, December 22, 2024

Conf. League: Balzan jikkwalifikaw b’goal fil-ħin barrani

Aqra wkoll

Balzan …………1

NK Domzale ….3

(wara l-ħin barrani)

(Agg: Balzan 5-4)

Balzan għaddew għat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Confe­rence League meta għelbu lil NK Domzale tas-Slovenja b’aggregate ta’ 5-4 wara li fit-tieni leg tal-ewwel round huma sfaw megħluba bl-iskor ta’ 3-1 liema partita marret ukoll fil-ħin barrani.

Kien biss fit-28 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Domzale jkunu huma li joħolqu l-periklu meta wara li kkontrolla l-ballun b’sidru, Ziga Repas, ixxuttja għoli.

Balzan wieġbu zewg mi­nuti wara meta Jake Grech għadda lejn Samir Arab li xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Peter Olawale, iżda dan tal-aħħar ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-ballun li finalment intemm barra.

Iżda fl-44 minuta kienu Domzale li fetħu l-iskor meta Danjel Stutrm indirizza cross li sab lil ABRAHAM NNAMDI NWANKWO li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn pożizzjoni ideali tintemm fir-rokna tax-xib­ka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Balzan ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jiksbu d- draw u fis-56 minuta, Peter Olawlala kellu xutt insidjuż minn barra l-kaxxa salvat minn mal-art mill-goalkeeper Gasper Tratnik.

Madankollu, fit-63 minuta kienu s-Sloveni li rduppjaw permezz ta’ free-kick  tas-sostitut JOST PISEK, li kien ilu biss tmien minuti fil-ground, u li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Danilo Golovic.

Huma komplew fuq l-offenisva u fil-71 minuta, Ma­rio Krstovski, kellu l-kon­klużjoni fil-baxx tiegħu tgħaddi tħakkek ma’ sieq il-wieqfa.

Iżda t-tielet goal għalihom kellu jasal żewġ minuti wara meta f’kontrattakk veloċi, Balzan nqabdu fuq sieq waħda u FRANKO KOVACEVIC dar tajjeb ma’ Golovic u tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Fil-ħin miżjud, Balzan, tilfu ċans tad-deheb li jis­kor­jaw il-goal li seta’ fisser kwalifikazzjoni meta Ivan Bozovic kellu xutt mill-viċin jiġi mxellef f’corner bi bravura minn Tratnik.

Meta l-partita marret fil-ħin barrani, fil-95 minuta, il-Balzanin skorjaw il-goal tal-kwalifikazzjoni meta AN­DRÉ kompla l-ballun għal ġewwa.

Iżda tliet minuti wara, l-istess player tkeċċa wara li ntwera t-tieni karta safra bl-ewwel waħda tkun li neża’ l-flokk wara li skorja.

balzan: 9-Danilo Golovic, 2-Ivan Bozovic, 27-Momcilo Raso, 24-Nikola Braunovic, 5-Samir Arab (4-André 72), 77-Aleksa Andrejic (19-Nikola Zerjal 61), 7-Triston Caruana (18-Ryohei Michibuchi 46), 8-Paul Fenech (9-Manyluak Aguek 79), 21-Jake Grech, 17-Peter Olawale (80-Evandro Gomes 100), 10-Angel Torres   – Coach: Oliver Spiteri

DOMZALE: 1-Gasper Tratnik, 2-Mirko Mutavcic, 20-Abraham Nnamdi Nwankwo, 3-Andrej Duric, 6-Tilen Klemncic (32-Gasper Cerne 106), 18-Edin Julardzija, 9-Franko Kovacevic, 19-Ziga Repas (4-Benjamin Markus 86) (42-Said Duranovic 112), 7-Luka Topalovic (31-Jost Pisek 55), 77-Danjel Sturm, 11-Mario Krstovski  – Coach: Simon Rozman

REFEREE: Visar Kastrati (Kosovo)

ASS. REFEREES: Besnik Morina, Granit Hyseni (Kosovo)

RABA’ UFF: Adenis Shala (Kosovo)

SKORERS: A. N. Nwankwo 44, J. Pisek 63, F. Kovacevic 73 (D), André 95 (B)

AMMONITI: P. Fenech, P. Olawale, André (2), N. Braunovic, D. Golovic (B), A. N. Nwankwo, M. Mutavcic, T. Klemencic, J. Pisek, D. Sturm (D)

TKEĊĊA: André 98 (B)

Ekonomija

Sport