Friday, December 27, 2024

Conf. Lge: Diffiċli għal Floriana … impossibbli għal Sliema W.

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Wara l-eliminazzjoni ta’ Hamrun Spartans mit-tieni leg tat-tieni round tal-UEFA Europa Conferen­ce League, illum jidħlu fix-xena Floriana u Sliema Wanderers hekk kif il-Furjaniżi jieħdu magħhom telfa ta’ 1-0 kontra Vitoria SC tal-Portugall filwaqt li s-Slimiżi jospitaw lill-Armeni ta’ FC Noah wara l-umiljazzjoni ta’ 7-0.  

Sliema W. v FC NOAH

Fil-veritá dan il-konfront spiċċa qabel se jibda! Fil-football kollox jista’ jseħħ iżda hija impossibbli li Sliema Wanderers jir­kup­raw żvantaġġ ta’ seba’ goals li sofrew fl-ewwel leg …  biex jisfurzaw il-ħin barrani. 

It-team immexxi mill-coach, Paul Zammit, irid jinsa din id-disfatta kbira u jinżel għal din il-partita għall-unur biex forsi jnaqqas id-distakk tal-aggregate. 

Kien mistenni ħafna mill-Wanderers wara li kienu ferm attivi fis-suq tat-trasferimenti u saħansitra qed jiġu meqjus bħala l-isfidanti ewlenin għaċ-champions Hamrun Spartans għar-rebħ tat-titlu. 

Peró, diżappuntat aktar mir-riżultat huwa l-fatt li matul il-partita kollha ma ndirizzawx ballun fil-lasti avversarji. 

It-trio ta’ attakkanti, Goncalo Gregorio, Virgile Pinson u Goncalo Silva,  ħarbtu għal kollox lid-difiża Slimiża bl-interchanging tagħhom u l-iskor seta’ kien ferm akbar. 

Peró l-aktar player li spiċċa fl-ewwel leg u li l-Wanderers iridu joqogħdu attenti minnu huma l-midfielder Islandiż, Gudmundur Thorarinsson, li l-kostruzzjoni offensiva ħar­ġet kollha minn saqajh … minbarra li kien in­volut f’ħamsa mill-goals. 

Żgur li Zammit għandu biċċa xogħol diffiċli biex jimmotiva lill-players tiegħu speċjalment meta dan it-tieni leg se jkun biss formalitá (għalkemm kollox jista’ jseħħ).  

Il-coach ta’ FC Noah, Rui Mota, jinżel għal din il-partita bi trankwillitá kbira hekk kif it-team tiegħu għandu kważi l-kwalifikaz­zjoni ġewwa. 

L-aħħar darba li Sliema sofrew telfa ta’ 7-0 fil-kompetizzjonijiet Ewropej kien nhar is-16 ta’ Settembru, 1970, kontra AB Copenhagen, fit-Tazza tal-Fieri, f’Idraetsparken, f’Copenhagen.

Imbagħad sofrew skor ta’ 7-1 kontra team ieħor Daniż, Odense BK, nhar l-20 ta’ Awwissu, 1996, fit-Tazza UEFA. 

Il-logħba se tintlagħab fis-Centenary Stadium, fis-7.00 pm. 

VICTORIA SC v FLORIANA

Floriana jmorru fil-Portugall eżattament fil-belt ta’ Guimaraes biex jaffrontaw lil Vitoria SC wara li dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0, f’pajjiżna.

L-uniku goal wasal 12-il minuta mit-      tmiem li, fil-veritá, seta’ ġie evitat meta d-difiża nqabdet fuq sieq waħda biex l-attakkant Joao Silva daħal bejn id-difensur Alejandro Garzia u l-goalkeeper  Christoffer Mafoumbi, u xeħet il-ballun fix-xibka. 

Iżda kollox ma’ kollox, il-Greens lagħbu b’tattika dixxiplinata fejn il-coach, Darren Abdilla,  konxju mill-qawwa tal-avversarji niżel bi pjan ta’ konteniment u jopera bil-kontrattakki. 

Il-Greens kellhom ukoll il-mumenti tagħhom fejn anke resqu viċin tliet darbiet permezz ta’ Thiaguinho, Jake Grech u Kemar Reid.  Iżda filwaqt li naqsu li jiftħu l-is­kor, kienu l-avversarji li l-aktar li ħarġu sodisfatti mis-Centenary Stadium hekk kif qed igawdu vantaġġ ta’ goal.  

Matul dawn l-aħħar jiem, Floriana saħħew l-iskwadra tagħhom meta ffirmaw lill-attakkant Niġerjan ta’ 26 sena, Franklin Sasere, li fl-istaġun li għadda kien fuq il-kotba ta’ Hamrun Spartans. Peró llum ma jistax jil­għab.  

Dan il-konfront se jkun ferm differenti minn dak li tal-ġimgħa li għaddiet. Dan minħabba li filwaqt li Victoria SC, magħ­rufa aħjar bħala Vitoria Guimaraes, igawdu rispett kbir fil-kampjonat Porutigiż u huma meqjusa fil-livell ta’ wara Benfica, FC Porto u Sporting Lisbon. 

Bla dubju, it-tattika tagħhom għandha tkun waħda offensiva biex jiskorjaw kemm jifilħu filwaqt li Floriana jridu jagħmlu l-kontro-mossa biex iżommu l-iskor baxx.  

Il-logħba se tintlagħab f’Estadio D. Alfonso Henriques ta’ Guimares u tibda fid-9.15 pm.

Ekonomija

Sport