Friday, September 13, 2024

Conf. Lge: Goal fil-ħin miżjud jelimina lil Marsaxlokk

Aqra wkoll

MARSAXLOKK ……..1

PARTIZANI ……………2

Minn Cristian Muscat

Goal fil-ħin miżjud elimina lil Marsaxlokk mill-UEFA Europa Conferen­ce League meta fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni, huma sfaw megħluba 2-1 minn Partizani biex l-Albaniżi kkwalifikaw b’aggregte ta’ 3-2.

Kienu Partizani li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il mi­nuta meta Kara kellu t-tentittiv tiegħu mill-viċin salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Marko Drobnjak, li ħareġ barra minn postu u dawwar tajjeb f’corner.

Huma komplew fuq l-of­fenisva u fil-21 minuta Tedi Cera għal ftit ma kkon­kludiex minn taħt il-lasti bid-difensur Malti, Karl Micallef, ikun pront u jitfa’ l-ballun f’corner. 

Marsaxlokk wieġbu għall- ewwel darba fis-26 minuta meta Igor Goluarte għadda tajjeb lejn Yuri De Jesus Messias li iżda l-konklużjoni tiegħu ma kinitx daqshekk b’saħħitha, bil-ballun jintemm barra.

Iżda, fis-27 minuta, l-Albaniżi kienu ferm sfortunati li  ma fetħux l-iskor me­ta Cera għadda tajjeb lejn Arinaldo Rrapaj li min-naħa tiegħu serva lil Archan­ge Dieudonne Bintsouka li kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta jistampa mal-mimduda, bix-Xlukkajri jeħilsuha ħafif.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu fuq l-offensiva u  wara biss 34 sekondi fetħu l-iskor meta Nikolai Muscat rebaħ ballun f’nofs il-ground, lagħabu fid-direzzjoni ta’ YURI DE JESUS MESSIAS, li b’xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun fix-xibka, bil-ballun jaħbat mal-mimduda qabel jintemm ġewwa. 

Iżda Marsaxlokk bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li f’botta u risposta, żewġ minuti biss wara, Partizani kisbu d-draw  meta Andi Hadroj għadda tajjeb lejn TEDI CERA, li minn pożizzjoni ideali ma ħafirx. 

Wara dan il-goal, ir-ritmu naqas, bl-azzjoni denja ta’ nota sussegwenti tasal, fit-78 minuta, minn Partizani permezz ta’ xutt mid-distanza ta’ Maguette Gueye li iżda ntemm ferm għoli. 

Fis-86 minuta, Rrapaj, kellu f’saqajh il-goal tar-rebħa għal Partizani, iżda mill-viċin ġie salvat b’mod stupend minn Drobnjak.

U meta kollox deher li l-partita kienet destinata li tmur għall-ħin barrani, fit-93 minuta, Partizani skorjaw il-goal tar-rebħa minn ALBERS KEKO li xeħet f’lasti vojta wara azzjoni stupenda li fiha kienu nvoluti xejn inqas minn erba’ players. 

MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 28-Nikola Raden, 22-Lucas Lopez, 3-Jefferson (9-Patrick Nonato 96), 4-Karl Micallef, 30-Ryan Scicluna, 6-Nikolai Muscat (8-Jake Ghio 77), 27-Leandro Aguirre, 96-Igor Goularte (17-Jacob Walker 81), 23-Alex Gomes, 10-Yuri De Jesus Messias  – Coach: Winston Muscat

PARTIZANI: 60-Pano Qirko, 44-Andi Hadroj, 34-Saliou Sembene, 5-Altin Bytyci, 33-Vangiel Zguro, 21-Valentino Murataj (7-Adnard Mehmeti 8), 14-Maguette Gueye, 99-Arinaldo Rrapaj, 24-Archange Dieudonne Bintsouka (90-Christian Mba 71), 22-Tedi Cera (10-Albers Keko 86), 26-Paulo Buxhelaj  – Coach: Orges Shehi

REFEREE: Igor Stojchevski (Maċedonja)

ASS. REFEREES: Kushtrim Lika, Daniel Vasilevski (Maċedonja)

RABA’ UFF: Marjan Dejanoski (Maċedonja)

SKORERS: Y. De Jesus Messias 46 (M), T. Cera 48, A. Keko 93 (P)

AMMONITI: N. Muscat (M), A. Mehmeti, M. Gueye (P)

Ekonomija

Sport