Iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, ikomplu l-impenji tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej meta llum jospitaw lil Dinamo Tbilisi ta’ Georgia, fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
It-team immexxi minn Luciano Zauri ġie eliminat mill-UEFA Champions League wara li tilfu b’aggregate ta’ 6-1 kontra Maccabi Haifa ta’ Iżrael.
Wara t-telfa kemmxejn diffiċli ta’ 4-0 fis-Centenary Stadium, waslet oħra ta’ 2-1 f’Iżrael.
Peró, fil-logħba li ntlagħbet f’Haifa, l-Ispartans ftit li xejn dehru inferjuri u żammew il-pass mal-avversarji fejn saħansitra kienu huma li fetħu l-iskor minn Joseph Mbong. Iżda fi stadium ippakkjat, Maccabi dawru r-riżultat favur tagħhom … biex għamlu l-kwalifikazzjoni aktar ċerta.
L-avversarji tal-lum huma Dinamo Tbilisi, li rebħu l-kampjonat domestiku fl-istaġun li għadda. Huma ttellgħu jilagħbu kontra l-Maltin wara li sfaw eliminati minn Astana tal-Kazakhstan.
Huma għandhom players straordinarji hekk kif tnejn minnhom li spikkaw fl-istaġun li għadda kienu l-Marokkin Imram Oulad Omar u s-Serb Zoran Marusic li bejniethom skorjaw 16-il goal.
It-team huwa mmexxi mill-coach, Giorgi Tchiabrishvili, li huwa kkunsidrat bħala motivatur kbir. Huwa pjuttost żgħir fl-etá meta għandu 43 sena iżda għandu 11-il sena esperjenza ta’ coaching.
Il-Ħamruniżi se jiffaċċjaw team b’saħħtu. Kumplessivament minkejja li sfaw eliminati minn Astana, huma ma ġewx umiljati meta wieħed iqis li dawn tal-aħħar għaddew bl-aggegrate ta’ 3-2 (1-1 u 2-1).
Wara li l-iskwadra ssaħħet b’mod konsiderevoli, l-objettiv possibbli ta’ Hamrun Spartans huwa li jaslu sal-Fażi tal-Gruppi.
Fl-istaġun li għadda huma kienu round ‘il bogħod minn din il-fażi meta kienu sfaw eliminati minn Partizan Belgrade b’aggregate ta’ 7-4, wara li temmew fi draw ta’ 3-3 f’pajjiżna u ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 4-1 fis-Serbja.
Għaldaqstant din id-destinazzjoni mhux se tkun missjoni faċli għalihom.
Il-coach ta’ Hamrun Spartans, Luciano Zauri, qal li l-partita mill-UEFA Champions League kontra Maccabi Haifa xejn ma kienet faċli u minkejja li għamlu minn kollox sabiex jiksbu riżultat tajjeb, l-Iżraeliti kellhom elementi ta’ kalibru kbir.
Għal Dinamo Tbilisi din se tkun ukoll logħba importanti sabiex jippreparaw għall-bidu tal-istaġun hekk kif nhar is-Sibt li ġej huma jaffrontaw lir-rivali eterni, Lokomotiv Tbilisi, fis-Super Cup.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jilgħab fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni kontra rebbieħ bejn Ferencvaros (Ungerija) u Shamrock Rovers (Irlanda).
Il-partita tal-lum se tintlagħab, fl-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali, fit-8.00 pm.