Illum, f’Tony Bezzina Stadium, iċ-champions Maltin, Hamrun Spartans, jaffrontaw li FC Ballkani tal-Kosovo, liema partita hija valida mit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
Dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu ġimgħa ilu, f’Zahir Pajaziti Stadium, f’Podujevo, bl-iskor finali jispiċċa dak ta’ 0-0.
F’din il-partita, l-Ispartans iridu juru titjieb konsiderevoli hekk kif fil-partita preċedenti ma ndirizzawx ballun lejn il-lasti avversarji.
Aktar minn hekk, huma setgħu ħarġu telliefa hekk kif il-Kosovani fallew penalty mogħti minn Yasin Emerllahu li xeħet barra wara li d-difensur, Emerson Marcelina, ġie ġudikat li waqqa’ lil Edin Karrica fil-kaxxa … minkejja li ma kien l-ebda kuntatt bejn iż-żewġ players u għaldaqstant saret ġustizzja mal-Ħamruniżi.
Jidher li t-team immexxi mill-coach il-ġdid, Alessandro Zinnari, għaddej minn perjodu ta’ tranżizzjoni hekk kif huwa kompost minn akkwisti ġodda li jridu jissetiljaw u jambjentaw lilhom infushom għall-kultura Ħamruniża.
Konxji mill-fatt tal-potenzjal li jippossjiedu, fil-partita tal-ewwel leg wieħed kien jistenna li l-Ispartans joħorġu fuq l-attakk biex jiksbu goal kmieni u jissetiljaw kemm jista’ jkun malajar.
Iżda huma niżlu b’tattika difensiva u dik ta’ konteniment u joperaw bil-kontrattakki. Iżda fil-veritá ma ħadmitx minħabba li l-Ħamruniżi ngħalqu fil-qoxra difensiva tagħhom minħabba li l-avversarji fetħu bumbardament minn kull naħa u għaldaqstant ftit li xejn ħallew spazju għall-players Maltin biex jaħarbu bil-kontrattakki.
Iżda mil-lat pożittiv, anke jekk l-Ispartans iddefendew b’10 players, l-avversarji ftit li xejn setgħu jimmanuvraw fil-kaxxa u għaldaqstant sabuha ferm diffiċli biex jegħlbu lill-goalkeeper, Henry Bonello.
U minkejja d-dominanza, il-coach ta’ Ballkani, Ilir Daja, xejn ma kien kuntent bir-riżultat minħabba, li skont hu, setgħu rebħu din il-partita bi tnejn jew bi tliet goals.
Il-konfront tal-lum għandu jkollu storja differenti minn dak tal-ewwel leg minħabba li l-Ħamruniżi se jilagħbu f’pajjiżna u quddiem il-partitarji tagħhom stess, u għalhekk għandhom jibdew bħala favoriti … iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom minħabba li għandhom attakk veloċi, kompost minn Bernard Karrica, Bajram Jashanica u Queven, li kapaċi jikkastigaw ma’ kull żball.
Iż-żewġ naħat m’għandhomx problemi ta’ players imweġġgħin jew sospiżi u għaldaqstant mistennija jinżlu bl-istess formazzjoni … bl-eċċezzjoni li l-aqwa skorer tal-Kampjonat Premier tal-istaġun li għadda, Luke Montebello, jibda mill-bidu biex jissaħħaħ l-attakk … minħabba li huwa importanti li l-Ispartans jiskorjaw l-ewwel hekk kif iż-żewġ timijiet għadhom fi draw ta’ mingħajr goals.
Ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jiffaċċja lil Larne FC tal-Irlanda ta’ Fuq fit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.
Il-logħba tibda fit-8.00 pm u se tixxandar b’mod dirett fuq TVM Sports+.