Friday, September 6, 2024

Conf. Lge: Partita mill-aktar diffiċli għal Floriana kontra Vitoria SC

Aqra wkoll

Floriana illum jospitaw lill-Portugiżi ta’ Vitoria SC fl-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.

Floriana jinżlu għal dan il-konfront b’moral għoli hekk kif ġejjin mis-suċċess fuq Tre Penne, bl-aggregate ta’ 4-2.

Iżda wieħed irid jistqarr li Vitoria SC, magħrufa aħjar bħala Vitoria Guimaraes, huma team b’saħħtu u favoriti netti li jissuperaw dan ir-round. 

Il-coach, Darren Abdilla, se jibbaża fuq players stabbili­ti, fosthom Jake Grech, Kyrian Nwoko, Alejandro Garzia, Dunstan Vella u Kemar Reid, li spikkaw fiż-żewġ konfronti preċedenti u kienu ta’ ispiraz­zjoni għal sħabhom.

Vitoria Guimaraes m’għandhom bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-football Portugiż. Għalkemm dejjem wara l-avversarji ferm iktar ikkwotati minnhom bħal Benfica, Porto u Sporting Lisbon, dan il-club għandu entużjażmu biex ikompli miexi fit-triq tal-progress. 

Il-club ġie mwaqqaf fl-1922 u huwa bbażat fil-belt ta’ Guimaraes. Huma rebħu t-tazza Portugiża darba waħda biss, fl-2013, kif ukoll is-Super Cup domestika. 

Fl-istaġun li għadda, huma spiċċaw fil-ħames post tal-Primeira Liga wara ċ-champions Sporting Lisbon li kienu segwiti minn Benfica, Porto u Braga rispettivament.

It-team huwa mmexxi mill-coach il-ġdid, Rui Manuel Gomes Borges, li għandu 43 sena u li fil-karriera tiegħu kien jilgħab bħa­la winger. 

Din hija t-tielet darba li Floriana se jiltaqgħu kontra timijiet Portugiżi, bit-tnejn  l-oħra jkunu Sporting Lisbon, fl-1970, u FC Porto, fl-1993, it-tnejn fit-Tazza tat-Tazzi. 

Peró, il-Greens għadhom qed ifittxu l-ewwel goal kontra timijiet Portugiżi fil-kompetizzjonijiet Ewropej hekk kif kontra Sporting spiċċaw b’żewġ telfiet ta’ 5-0 u 4-0 filwaqt li kontra FC Porto kisbu draw prestiġjuż ta’ 0-0 u tilfu 2-0. 

Ekonomija

Sport