Tuesday, December 24, 2024

Conf. Lge: Riżultat pożittiv għal Hamrun Spartans

Aqra wkoll

Ballkani …………..……0

Hamrun Spartans ….0

Barra minn darhom, Hamrun Spartans temmew fi draw ta’ 0-0 għand Ballkani tal-Kosovo biex issa jibdew favoriti li jirbħu t-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikaz­zjoni biex ikomplu javvanzaw fil-UEFA Europa Conference League. 

F’din il-partita, Ballkani kienu territorjalment aħjar u bdew jużaw il-faxex lateral biex jippruvaw jippenetraw id-difiża ffollata Ħamruniża iżda sabuha ferm diffiċli biex jim­penjaw lill-goalkeeper, Henry Bonello.

Min-naħa tal-Ispartans, għażlu li jaddattaw it-tattika ta’ konteniment u joperaw bil-kontrattaki.

U jekk ir-riżultat huwa meqjus bħala wieħed pożittiv, il-wirja kienet diżappuntanti minħabba li qatt ma ndirizzaw xutt  denju lejn il-lasti avversarji. 

L-ewwel attakk ta’ Hamrun Spartans wasal fid-disa’ minuta iżda x-xutt ta’ Joseph Mbong ġie mblukkat f’corner. Peró, l-istess corner ma ngħatax tajjeb minn Roko Prsa biex id-difiża Kosova kklerjat lejn Bernard Karrica li b’ħarba veloċi tela’ waħdu iżda ġie nnewtalizzat fil-ħin minn Bonello, li kellu joħroġ minn postu.

Fid-19-il minuta, saret ġus­tizzja mal-Ħamruniżi met­a Ballkani ngħataw pe­nalty ivvintat meta Karrica aċċentwa l-waqgħa meta Emerson Marcelina pprova jittakiljah mingħajr ma kien hemm l-ebda kuntatt. Peró, mill-11-il metru, Lindon Emerllahu xeħet barra ma’ sieq il-lasta.

Fil-35 minuta, Bonello ħareġ minn post biex salva l-free-kick fit-tul mogħti minn Marsel Ismajlgeci.

Fit-43 minuta, kellu jkun Elionay Freitas li waqqaf lill-attakkant veloċi Almir Kryeziu li daħal fil-kaxxa ż-żgħira u antiċipah f’corner.

Fil-ħin miżjud tal-ew­wel taqsima, Ballkani kienu għoddhom fetħu l-iskor meta minn barra l-kaxxa, Arber Potoku venven kanunata li għelbet lil Bonello iżda l-ballun għadda minn fuq il-mimduda.

Fis-60 minuta, il-Kosovani ħasbu li fetħu l-iskor meta l-attakkant Brażiljan, Que­ven, xeħet fix-xibka minn rebound iżda kien issenjalat f’pożizzjoni ta’ offside.

Huma komplew iżidu l- pressjoni u, fis-66 minuta, kellu jkun Matias Ellul li tajjar il-periklu fuq Walid Ha­midi li seta’ għamel xi forma ta’ ħsa­ra.

Prattikament, din kienet l-aħħar azzjoni denja min­ħabba li l-logħob żvolġa f’wieħed medjokri hekk kif il-ballun beda jintlagħab minn kaxxa sa kaxxa. 

BALLKANI: 1-Enea Kolici, 3-Arber Potoku (2-Geralb Smajli 78), 4-Gentrit Halili, 6-Lindon Emerllahu, 10-Almir Kryeziu (99-Bleart Tolaj 78), 11-Walid Hamidi, 14-Marsel Ismajlgeci (19-Ajazaj Engjell 60), 20-Astrit Thaqi, 25-Bernard Karrica (22-Krenar Dulaj 78), 32-Bajram Jashanica, 88-Queven (77-Eris Abedini 86) – Coach: Ilir Daja

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 3-Matias Ellul (5-Sven Xerri 78), 4-Steve Borg (17-Wendel Barros 64), 6-Daniel Letherby, 10-Joseph Mbong (28-Juan Carlos Corbolan 50), 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas da Silva (8-Talison Lui Barboza 64), 19-Vitao (7-Luke Montebello 64), 33-Mayron, 91-Marcelina Emerson, 99-Raphael Lopes – Coach: Alessandro Zinnari

REFEREE: Walter Altmann (Awstrija)

ASS. REFEREES: Andreas Witschnigg, Mattias Hartl (Awstrija)

RABA’ UFF: Florian Jager (Awstrija)

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: R. Lopes, S. Borg, E. Freitas (HS); A. Engjell (B)

Ekonomija

Sport