Ir-rebbieħa tal-FA Trophy, Sliema Wanderers jilagħbu fl-Armenja, kontra FC Noah, li huma prattikament team ġdid fil-kompetizzjonijiet Ewropej.
It-team immexxi minn Paul Zammit kien bye fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni u għaldaqstant din se tkun l-ewwel partita kompetittiva mis-suċċess tat-tieni l-aqwa unur domestiku wara li spiċċaw ukoll fit-tielet post tal-Kampjonat Premier.
Sadanittant, Zammit kellu ċ-ċans li jara lill-players tiegħu f’partiti ta’ ħbiberija kontra Naxxar Lions (3-0), Zabbar St Patrick’s (1-0), Floriana (0-3) u Hamrun Spartans (1-3).
Matul is-suq tat-trasferimenti tas-sajf, il-Blues akkwistaw lill-attakkant Niġerjan, Stanley Ohawuchi, li kien diġá jifforma parti mill-iskwadra passata. Huma kisbu wkoll il-firma tad-difensuri, il-Portugiż Serginho u Simon Zibo mill-Ghana li ffirmawh mingħand Birkirkara … kif ukoll lill-Maltin, Steve Pisani, Cain Attard u Adam Magri Overand.
Min-naħa tagħhom, FC Noah, ġew imwaqqfa fl-2017 u huma bbażati f’Armavir.
It-team huwa mmexxi mill-coach il-ġdid, il-Portugiż Rui Mota, 45 sena. Aktar qabel huwa kellu esperjenzi fil-Kroazja, fl-Iran, fil-Polonja, fil-Belġju u fil-Portugall.
Fl-istorja qasira tagħhom, huma rebħu t-tazza tal-Armenja fl-istaġun 2019/20 u s-Super Cup fl-2020.
FC Noah se jkunu t-tielet team li jilagħbu kontra timijiet Maltin. Fl-2016, Birkirkara għelbu lil Ulisses bl-aggregate ta’ 3-1 filwaqt li fl-2023, Hamrun Spartans għelbu lil Alashkert 4-2 fuq żewġ logħbiet.