Saturday, September 7, 2024

Conf. Lge: Wirja qalbiena mhux biżżejjed minn Floriana

Aqra wkoll

Floriana ………0

Vitoria SC ……1

Minn Cristian Muscat

Fil-partita mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, wirja qalbiena ma kinitx biżżej­jed minn Floriana li sfaw megħluba bl-iskor minimu ta’ 1-0 minn Vitoria SC tal-Portugall, bil-goal uniku jasal tard fil-partita li fil-veritá seta’ ġie evitat.

Madankollu, kienet wirja pożittiva mill-Greens, speċjalment fl-ewwel taqsima, li kienu ferm organizzati f’kull dipartiment tal-ground li jawgura tajjeb għat-tieni leg ta’ nhar il-Ħamis li ġej, fil-Portugall.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu wara biss tliet minuti, meta f’azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, Thia­guinho, qabad lid-difiża ta’ Vitoria żbilanċjata, avvanza tajjeb u kellu x-xutt tiegħu jaħbat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.

Il-Greens komplew fuq l-offensiva u 10 minuti wara, Kemar Reid seraq ballun wara pressjoni li għamel fuq Alberto Baio, għadda taj­jeb lejn Jake Grech li kellu t-tentattiv tiegħu minn tarf il-kaxxa jintemm ftit għoli.

Wara din l-azzjoni r-ritmu naqas biex il-partita kienet karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.

Dan sal-41 minuta meta Thiaguinho kellu xutt minn pożizzjoni ideali jintemm f’idejn il-goalkeeper avversarju, Bruno Varela.  

Il-Portugiżi wieġbu għall- ewwel darba minuta biss wara, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, Jorge Fernandes, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tispiċċa ftit għoli.

Erba’ minuti wara l-mistrieħ, daqqa ta’ ras ta’ Jota Silva ġiet salvata mill-goalkeeper, Christoffer Mafoumbi, li dawwar f’corner b’mod stupend.

Floriana wieġbu fid-59 mi­nuta meta Thiaguino għadda pass fil-baxx fid-direzzjoni ta’ Kemar Reid li kien interċettatt fl-aħħar mument minn Alberto Baio, biex evita goal cert.

Fit-78 minuta, il-Portugiżi fetħu l-iskor meta s-sostitut Jesus Ramirez xe­ħet lejn JOTA SILVA li approfitta minn nuqqas ta’ ftehim bejn Mafoumbi u Alejandro Garzia u b’eleganza antiċipa lill- istess Mafoumbi billi rtokka l-ballun fix-xibka.

U fil-85 minuta Mafoumbi kien providenzjali għal Floriana meta salva fuq Cesar. 

Fil-ħin mizjud, Vitoria kie­nu għoddhom irduppjaw meta cross-shot ta’ Joao Mendes qarraq b’Mafoumbi u ħabat mal-mimduda, bil-Greens jeħilsuha ħafif.

FLORIANA: 5-Christoffer Mafoumbi, 77-Alejandro Garzia (79-Guy Serge Yameogo 85), 4-Oualid El Hasni, 17-Owen Spiteri, 55-Alexandros Kouros, 70-Fernandinho, 12-Dunstan Vella (7-Mattia Veselji 80), 8-Jake Grech (90-Anthony Obonogwu 88), 20-Matias Nicolas Garcia, 11-Thiaguinho (21-Carlo Zammit Lonardelli80), 9-Kemar Reid  – Coach: Darren Abdilla

VITORIA SC: 14-Bruno Varela, 52-Alberto Baio, 44-Jorge Fernandes, 24-Toni Borevkovic, 13-Joao Mendes, 10-Tiago Silva (5-Marco Cruz 91), 8-Tomas Handel, 77-Nuno Santos (20-Samu 63), 11-Jota Silva, 7-Nelson Oliveira (9-Jesus Ramirez 63), 19-Ricardo Mangas (37-Kaio Cesar 63)  – Coach: Rui Borges

REFEREE: Ben Mcmaster (Irlanda ta’ Fuq)

ASS. REFEREES: Stephen Bell, Gavin Hegarty (Irlanda ta’ Fuq)

RABA’ UFF: Keith Kennedy (Irlanda ta’ Fuq)

SKORER: J. Silva 78 (V)

AMMONITI: N. Oliveira, J Silva (V), Fernandinho, C. Zammit Lonardelli (F)

Ekonomija

Sport