Tuesday, July 8, 2025

Conference League: Floriana jdawru telfa f’rebħa

Aqra wkoll

Floriana …………2

Haverfordwest …1

Minn Cristian Muscat

Floriana dawru telfa f’rebħa biex għelbu lit-team minn Wales bl-iskor ta’ 2-1 liema partita kienet valida mill-ewwel leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Minkejja li fit-tieni taqsima kienu maħkuma mill-għejja minħabba s-sħana li qed tirrenja fuq il-Gżejjer Maltin, il-Greens urew wirja ta’ karattru li ppermetitilhom jiksbu din ir-rebħa li fissret li se jkunu qed jibdew b’vantaġġ ristrett meta ġimgħa oħra jilagħbu t-tieni leg barra minn pajjiżna.

Floriana kienu tattikament aħjar mill-avversarji iżda l-Brittaniċi kienu aktar b’saħħithom fiżikament.

Kien it-team minn Wales li ħoloq l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta daqqa ta’ ras ta’ Ben Ahmun minn pożizzjoni angolata għaddiet ftit barra, bil-players Brittaniċi jip­protestaw għal penalty għal hands ta’ Floriana iżda r-re­feree ħalla l-logħob għaddej.

Il-Greens wieġbu fil-15-il minuta permezz ta’ free-kick bid-dawra ta’ Jake Grech li ntemm ftit għoli.

Iżda, fis-27 minuta, b’sorpriża u kontra x-xejra tal-logħob kienu Haverfordwest li fetħu l-iskor meta BEN AHMUN tħalla waħdu u b’daqqa ta’ ras preċiża għe­leb lill-goalkeeper, Guilher­me Cioletti, li nqabad ftit barra minn postu.

Il-Furjaniżi għamlu reaz­zjoni u tliet minuti wara,  Mattia Veselji rebaħ il-ballun, għadda tajjeb lejn Jake Grech li serva lill-captain, Dunstan Vella, iżda kellu l-konklużjoni tiegħu tin­temm ftit barra.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-42 minuta meritatament għamlu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn cross perfett ta’ Federico Varela, GONZALO GAMARRA kien fil-pożizzjoni perfetta u b’daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima. Haverfordwest ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta resqu viċin li jerġgħu imorru fil-vantaġġ meta Greg Walters minn pożizzjoni ferm ideali ra lil Cioletti isalva tajjeb minn mal-art.

Iżda kienu Floriana li ngħataw penalty fis-57 minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti mis-solitu Jake Grech, Alaric Jones waqqa’ lil Lucas Lopez fil-kaxxa.

Mill-11-il metru inkariga ruħu l-istess JAKE GRECH li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt ċentrali fil-baxx tefa’ ġewwa.

FLORIANA: 23-Guilherme Cioletti, 2-Lucas Lopez, 8-Jake Grech, 10-Federico Varela, 12-Dunstan Vella, 19-Mustapha Jan, 24-Charles M’Mombwa, 25-Gonzalo Gamarra, 34-Iago Perreira Mendonca, 70-Mattia Veselji (27-Todor Glisovic 69), 77-Alejandro Garzia – Coach: Da­niel Portel  Da Silva

Haverfordwest: 31-Luc Rees, 2-Dylan Rees, 3-Rhys Abbruzzese, 5-Alaric Jones (4-Elliot Scotcher 70), 7-Ricky Watts, 8-Corey Shepherd, 9-Ben Fawcett, 10-Daniel Hawkins, 17-Kyle McCarthy, 18-Greg Walters, 28-Ben Ahmun (20-Owain Jones 77)   – Coach: Anthony Pennock

referee: Szabolcs Kovacs (Rumanija)

ASS. refereeS: Marius Florin Badea, Adrian Vornicu (Rumanija)

RABA’ UFF. Marcel Birsan (Rumanija)

SKORERS: B. Ahmun 27 (H), G. Gamarra 42, J. Grech  59 pen (F)

AMMONITI: G. Walters, K. McCarthy, A. Jones, E. Scotcher (H), M. Veselji, C. M’Mombwa (F)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport