Tuesday, July 22, 2025

Conference League: Floriana megħluba wara li kienu darbtejn fil-vantaġġ

Aqra wkoll

FC Ballkani ……4

Floriana …………2

Floriana sfaw megħluba għand FC Ballkani bl-iskor ta’ 4-2, wara li kienu darbtejn fil-vantaġġ, biex issa se tkun diffiċli għalihom li jaqilbu l-aggregate meta l-ġimgħa d-dieħla, fis-Centenary Stadium, jilagħbu t-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Kienu Floriana li kellhom bidu tajjeb meta fis-sitt minuta ngħataw free-kick meta Mattia Veselji twaqqa’ minn Arber Potoku fi tliet kwarti ta’ ground. Jake Grech inkariga minnu fejn xeħet cross insidjuż hekk kif Bleart Tolaj mess il-ballun b’idu fil-kaxxa biex Floriana rebħu penalty.

Mill-11-il metru, l-istess JAKE GRECH xeħet lill-goalkeeper fuq in-naħa l-ħażina biex fetaħ l-iskor għal Floriana. Fid-disa’ minuta, il-Greens resqu viċin li jirdoppjaw iżda minn pożizzjoni ideali, Mustapha Jah, falla l-mira.

Madankollu, fit-13-il minuta, it-team ospitu kiseb d-draw meta mill-cross ta’ Almir Kryeziu, id-difiża Furjaniża nqabdet statika biex permezz ta’ daqqa ta’ ras BLEART TOLAJ ħasad għal kollox lill-goalkeeper, Guilherme Cioletti.

Fid-19-il minuta, Sunday Adetunji kien fil-proċess li jpoġġi lil Ballkani fil-vantaġġ iżda ġie mblukkat fil-ħin minn Lucas Lopez.

Fil-25 minuta, Floriana skorjaw it-tieni meta MUSTAPHA JAH qabad ballun min-nofs il-ground u minkejja li kien segwit minn Geralb Smajli u Ivica Batarelo, baqa’ javvanza u antiċipa l-ħarġa tal-goalkeeper avversarju billi xeħet il-ballun fir-rokna xibka.

Iżda dan il-goal damu jgawduh żewġ minuti biss meta Giovanni żmarka lil Sunday Adetunji fil-kaxxa li pplejsja l-ballun fix-xibka.

Fit-32 minuta, Ballkani marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta d-difiża Furjaniża għal darb’oħra ġiet esposta u  b’xutt angolat BLEART TOLAJ xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka.

Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima nqatgħet il-provvista tal-elettriku biex ir-referee bagħat lill-players fid-dressing rooms.

Fit-58 minuta, Floriana fallew ċans tad-deheb li jiksbu d-draw meta Veselji xeħet cross fil-baxx fejn il-goalkeeper, Artan Iljazi, naqas li jżomm il-ballun li baqa’ sejjer fuq it-tieni lasta iżda minn nofs metru  bogħod, Jah naqas li jixħet fix-xibka u Arber Potoku kien pront xeħet f’corner.

Fl-64 minuta, Adetunji skorja għal Ballkani iżda ġustament il-goal ġie mħassar għax kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Peró, fis-77 minuta, il-Kosovani skorjaw ir-raba’ goal meta Geralb Smajli qata’ għal kollox lid-difiża Furjaniża bi cross preċiż … u Sunday Adetunji bil-kalma kollha bir-ras kompla l-ballun fix-xibka bir-ras.

 FC Ballkani: 1-Artan Iljazi, 2-Geralb Smajli, 3-Arber Potoku (22-Elvis Letaj 79), 7-Bleart Tolaj (23-Loris Kolgeci 90), 8-Giovanni, 10-Almir Kryeziu, 21-Ardit Deliu (11-Walid Hamidi 72), 28-Ivica Batarelo, 29-Albert Diene, 32-Bajram Jashanica, 91-Sunday Adetunji – Coach: Orges Shehi

Floriana: 23-Guilherme Cioletti, 2-Lucas Lopez, 8-Jake Grech, 10-Federico Varela, 12-Dunstan Vella (11-Zachary Scerri  66), 19-Mustapha Jah (27-Todor Glisovic 80), 24-Charles M’Mombwa, 34-Iago Mendonca, 35-Gonzalo Gamarra, 70-Matthia Veselji, 77-Alejandro Garzia (17-Owen Spiteri 80) – Coach: Daniel Portela

Referee: Gergo Bogar (Ungerija)

assistenti: Istvan Albert, Theodoros Georgiou (Ungerija)

Raba’ Uff.: Peter Zierkelbach (Ungerija)

Skorers: J. Grech 8 pen, M. Tah 25 (F); B. Tolaj 13, 32, S. Adetunji 27, 76 (B)

Ammoniti: A. Garzia, M. Jah, F. Valera (F)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport