Minn Cristian Muscat
Gzira Utd ………….1
AC D’Escaldes ……1
F’konfront mill-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, Gzira United u Atletic Club d’Escaldes temmew fi draw ta’ 1-1, liema riżultat jista’ jitqies bħala wieħed diżappuntanti għall-Maroons hekk kif forsi wieħed stenna xi ħaġa aħjar min-naħa tagħhom.
Kienu huma li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Maxuell Maia għadda tajjeb lejn Jefferson De Assis li wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper, Alejandro Campagne, ra lil dan tal-aħħar jimblokka tajjeb.
Mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch, Ivan Ciaurriz kellu xutt imdawwar f’corner mill-goalkeeper Darijan Zarkov.
It-team minn Andorra kompla fuq l-offenisva u fl-20 minuta xutt angolat ta’ Lopez minn pożizzjoni ideali sab lill-goalkeeper Gżirjan attent.
Iżda kienu l-Maroons l-aktar li resqu viċin li jiftħu l-iskor meta fil-35 minuta, daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta ta’ Luis Riascos għaddiet ftit għoli.
Escaldes wieġbu fil-41 minuta meta d-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Jorge Bolivar Cano ġiet salvata minn Zarkov li wera riflessi eċċezzjonali biex evita goal ċert.
Appena għaddew 40 sekonda mill-ftuħ tat-tieni taqsima Gzira fetħu l-iskor meta Nikolai Muscat għadda ballun fit-tul lejn Maxuell Maia li kellu x-xutt tiegħu jaħbat ma’ difensur avversarju qabel intemm għand JEFFERSON DE ASSIS li mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka.
Ir-reazzjoni ta’ D’Escaldes waslet fil-55 minuta meta xutt insidjuż ta’ Victor Alfonso Becera minn pożizzjoni ideali għadda ftit għoli.
Huma komplew jipproduċu logħob sabiħ u ta’ dan ġew ippremjati meta fil-65 minuta, wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, GUILLAUME LOPEZ, kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u permezz ta’ xutt minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.
Fil-kumplammet tal-partita ma ġiet innotata l-ebda azzjoni denja ta’ nota, hekk kif kienet ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground.
GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 6-Nikolai Muscat, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 16-Luis Riascos (17-Clive Gauci 74), 22-Toni Kolega, 44-Marko Cosic, 91-Maxuell Maia, 94-Jefferson De Assis (11-Emmanuel Mbong 78), 98-Jackson Mendoza (23-Ricardo Correa 61) – Coach: Darren Abdilla
ESCALDES: 13-Alejandro Ruiz Campagne, 3-Aleix Cistaro, 4-Alexandre Sanchez Rodriguez, 5-Hamza Bouharma (20-Xavi Puerto 68), 7-Guillaume Silvan Lopez (27-David Rodriguez Lopez 90), 11-Jorge Bolivar Cano (16-Alex Martinez 68), 15-Victor Alfonso Maffeo Becerra (12-Eric Ruiz Naranjo 90), 19-Ivan Garrido Ciaurriz, 21-Javier Morales Aguilera, 22-Victor Penez Alonso (10-Gemelson 82), 26-Victor Alonso Madueno – Coach: Federico Luna
REFEREE: Zaven Hovhannisyan (Armenja)
ASS. REFEREES: Mesrop Ghazaryan, Atom Sevgulyan (Armenja)
RABA’ UFF: Ashot Ghaltakhchyan (Armenja)
SKORERS: J. De Assis 46 (GU), G. S. Lopez 65 (E)
AMMONITI: xA. M. Becerra, G. S. Lopez (E) L. Riascos (GU)