Friday, November 7, 2025

Conference League: Hamrun S. ibaxxu rashom għall-qawwa ta’ Samsunspor

Aqra wkoll

Samsunspor ……..3

Hamrun S. ……….0

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans sofrew it-tielet telfa minn daqstant partiti fil-Fażi tal- Kampjonat tal-UEFA Confe­rence League meta barra minn xtutna sfaw megħluba minn Samsurspor bl-iskor ta’ 3-0. 

Ta’ nota huwa l-fatt li għal Hamrun rritorna Joseph Mbong minn sospensjoni filwaqt li  Serge Thioune ma kienx magħżul fil-formazzjoni inizjali.

Kienu l-Ispartans li ħolqu l-ewwel periklu, fit-13-il minuta, meta N’Dri Koffi kellu xutt minn pożizzjoni angolata mdawwar f’corner mill-goalkeeper Tork, Okan Kocuk.

Samsunspor irrispondew tliet minuti wara u resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta wara li rċieva minn cross ta’ Emre Kilinc, Ma­rius Mouandilmadji kellu d-daqqa ta’ ras  mill-viċin tiġi salvata bi bravura mill-goalkeeper Ħamruniż, Henry Bonello, biex evita goal ċert.

Fit-18-il minuta, it-Torok fetħu l-iskor meta Kilinc għadda tajjeb lejn CARLO HOLSE li mill-viċin tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka …  bir-referee mill-Kazakshtan, Bulat Sariyev, jikkonvalida  dan il-goal wara konsultaz­zjoni mal-VAR, hekk kif iġġudika li d-difenusr Taljan ta’ Hamrun, Vincenzo Polito, żamm b’mod marġinali lil Holse onside.

Fit-30 minuta, Samsunspor kellhom ferħa bla temma meta Kilinc bir-ras rebaħ il-ballun minn fuq Polito, u Holse minn taħt il-lasta tefa’ l-ballun fix-xibka, iżda r-referee Sariyev kien pront u ħassar dan il-goal minħabba mbuttatura ta’ Kilinc fuq Polito.

Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima, it-Torok resqu ferm viċin li jirduppjaw iżda Anthony Musaba sab lil Bonello attent biex reġa’ kien providenzjali għal Hamrun.

Fit-tieni taqsima, it-Torok komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u,  fis-57 minuta, irduppjaw l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, EMRE KILINC ikkontrolla l-ballun u x-xutt mid-distanza spiċċa fir-rokna tax-xibka, b’Bonello megħlub għal kollox.

 Fis-66 minuta, Rick Van Drongelen, kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ftit barra … u fit-78 minuta, it-Torok issiġillaw ir-rebħa me­ta nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża Ħamruniża, ippermetta lil Holse biex jixħet cross fil-baxx li sab lil Ma­rius Mouandilmadji li bil-kalma kollha xeħet f’xibka vojta.

SAMSUNSPOR: 1-Okan Kocuk, 18-Zeki Yavru, 37-Lubomir Satka, 4-Rick Van Drongelen, 17-Logi Tomasson (24-Toni Borevkovic 81), 29-Antoine Makoumbou (55-Yunus Emre Cift 70), 11-Emre Kilinc, 21-Carlo Holse (8-Soner Aydogdu 80), 5-Celil Yuksel (28-Soner Gonul 87), 7-Anthony Musaba (22-Polat Yaldir 71), 9-Marius Mouandilmadji   – Coach: Thomas Reis

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 2-Rafael Compri (5-Sven Xerri 71), 27-Ognjen Bjelicic, 13-Vincenzo Polito (99-Stijn Meijer 85), 94-Ryan Camenzuli, 10-Joseph Essien Mbong (20-Jovan Cadjenovic 85), 91-Emerson Marcelina, 24-Ante Coric, 8-Matias Nicolas Garcia (25-Ederson 46), 14-Semir Smajlagic (9-Serigne Saliou Thioune 46), 19-N’Dri Koffi   – Coach: Giacomo Modica

referee: Bulat Sariyev (Kazakhstan)

ASS. refereeS: Sergei Vassyutin, Denis Labashov (Kazakhstan)

RABA’ UFF: Arman Ismuratov (Kazakhstan)

SKORERS:  C. Holse 18, E. Kilinc 57, M. Mouandilmadji 78 (S)

AMMONITI:  J. Mbong (H)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport