Hamrun S. …..0
Lausanne ……1
Minn Cristian Muscat
Fit-tieni ġurnata tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League, Hamrun Spartans pattew qares għal bosta okkażjonijiet ta’ skor mitlufa tul id-90 minuta, meta sfaw megħluba mill-Iżvizzeri ta’ Lausanne bl-iskor minimu ta’ 1-0, fejn m’hemmx dubju iżda li meta wieħed iqis l-azzjoniiet denji ta’ nota maħluqa minn Hamrun u r-reazzjoni mill-aqwa li wettqu fit-tieni taqsima, li ddominaw għal kollox, riżultat ta’ draw kien ikun wieħed iktar ġust.
Madankollu, indipendentament mir-riżultat, din il-partita tista’ titqies bħala waħda storika kemm għal Hamrun kif ukoll għall-futbol Malti inġenerali, hekk kif kienet l-ewwel waħda ġewwa pajjiżna għall-klabb Malti f’League Phase ta’ kompetizzjoni Ewropea.
Qabel il-partita ġie ppreżentat memento mill-amministrazzjoni ta’ Hamrun lill-eks player leġġendarju tal-Ispartans, Joe Brincat, liema player jinsab fil-klabb taċ-Ċentinarju tat-tim nazzjonali Malti hekk kif lagħab 103 partita.
Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fis-17-il minuta meta Saliou Thioune wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper, Karlo Letica, li salva b’siequ iżda l-player Ħamruniż kien ġudikat f’pożizzjoni ta’ offside.
Lausanne wieġbu fis-26 minuta u resqu ferm viċin meta Rafael Compri żelaq fil-kaxxa, il-ballun intemm għand Theo Bair li kellu x-xutt fil-baxx jiġi salvat mill-goalkeeper Henry Bonello.
Ħames minuti wara, l-Isvizzeri reġgħu heddew iżda minn pożizzjoni ferm ideali l-attakkant Ingliż, Nathan Butler-Oyedeji, reġa’ sab lil Bonello attent.
Fl-34 minuta, Bonello reġa’ kien providenzjali meta salva fuq tentattiv fil-baxx ta’ Olivier Custodio.
U f’botta u risposta, żewġ minuti wara, l-Ispartans fallew ċans tad-deheb li jmorru fil-vantaġġ meta N’Dri Koffi għadda lejn Merlin Hadzi li b’finta intelliġenti ħalla l-ballun għal Thioune, li kellu l-ħin kollu biex jikkonkludi iżda minn taħt il-lasti ra lil Letica jsalva.
U dak li m’għamlux Hamrun, għamluh Lausanne, żewġ minuti wara meta Kevin Mouanga għadda tajjeb lejn GAOUSSOU DIAKITE li permezz ta’ xutt angolat minn tarf il-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fil-51 minuta, Hamrun tilfu ċans faċli ieħor meta Thioune għeleb lid-difensur dirett tiegħu iżda minn taħt il-lasta għamel l-impossibli u tefa’ barra.
Fit-62 minuta Thioune mill-viċin laqat ħażin il-ballun u ma nkwadrax il-lasta, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Fit-68 minuta, l-Ispartans fallew ċans inkredibbli meta N’Dri Koffi minn taħt il-lasti falla l-mira bir-ras.
Huma komplew jippressaw u fit-73 minuta Thioune falla ċans ieħor ta’ skor meta mill-viċin tefa’ għoli, fejn madankollu huwa deher li kkontrolla l-ballun b’idu qabel ikkonkluda.
Fil-85 minuta, qamet konfużjoni fid-difiża ta’ Lausanne hekk kif f’botta u risposta l-Ispartans kienu sfortunati li ma kisbux id-draw.
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 2-Rafael Compri, 9-Saliou Thioune, 13-Vincenzo Polito, 19-N’Dri Koffi (20-Jovan Cadjenovic 82), 24-Ante Coric, 25-Eder (14-Semir Smajlagic 82), 27-Ognjen Bjelicic (7-Shaisen Attard 90), 77-Merlin Hadzi (47-Mouad El Fanis 65), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli – Coach: Giacomo Modica
LAUSANNE: 25-Karlo Letica, 2-Brandon Soppy, 5-Bryan Okoh, 8-Jamie Roche, 9-Theo Bair (7-Alban Ajdini 67), 10-Olivier Custodio, 11-Nathan Butler-Oyedeji (16-Nicky Beloko 57), 14-Kevin Mouanga, 18-Morgan Poaty, 38-Gabriel Sigua (27-Beyatt Lekoueiry 46), 70-Gaoussou Diakite (20-Hamza Abdallah 85) – Coach: Peter Zeidler
referee: Henrik Nalbandyan (Armenja)
ASS. refereeS: Mesrop Ghazaryan, Atom Sevgulyan (Armenja)
RABA’ UFF: Ashot Ghaltakhchyan (Armenja)
SKORER: G. Diakite 38 (L)
AMMONITI: M. Hadzi, E. Marcelina, J. Cadjenovic (H); J. Roche, H. Abdallah, B. Soppy (L)

