Spartak Trnava ….. 5
Hibernians ……..…..1
(Aggregate: Spartak Trnava 7-2)
Hibernians baxxew rashom għall-qawwa tas-Slovakki ta’ Spartak Trnava meta fit-tieni leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League sfaw megħluba bl-iskor ta’ 5-1 … biex ġew eliminati b’aggregate ta’ 7-2.
Spartak kellhom bidu mill-aqwa meta wara biss erba’ minuti fetħu l-iskor meta l-goalkeper tal-Pawlisti, Laurentiu Branescu, naqas milli jikklerja l-ballun, li wasal għand LIBOR HOLOK li venven xutt b’saħħtu minn qagħda ideali, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.
Fit-13-il minuta, is-Slovakki rduppjaw meta STEFAN SKRBO approfitta minn nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Hibernians u bi Branescu barra minn postu, tefa’ l-ballun f’lasti vojta.
Il-Maltin wettqu reazzjoni u fis-16-il minuta ngħataw penalty meta Kristian Kostrna waqqa’ lil Lucas Villela fil-kaxxa. Peró, mill-11-il metru Bjorn Kristensen ra t-tentattiv tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper Ziga Frelih.
Fit-18-il minuta, Spartak Trnava kienu għoddhom skorjaw it-tielet goal meta Martin Mikovic kellu x-xutt tiegħu mill-viċin imdawwar f’corner minn Branescu. Ħames minuti wara, xutt b’saħħtu ta’ Roman Prochazka mill-viċin ġie salvat tajjeb għal darb’oħra minn Branescu.
Sparatk Trnava komplew jippressaw u, fid-29 minuta, kienu sfortunati li ma kabbrux l-iskor meta Michal Duris kellu l-konklużjoni tistampa mal-wieqfa.
Madankollu, minuta biss wara, Spartak ingħataw penalty minħabba li Pablo Alves mess il-ballun b’idu iżda mill-11-il metru, Michal Duris ħabbat il-ballun ma’ sieq il-lasta.
U fis-37 minuta, Hibernians naqqsu l-marġni tal-iskor meta MIULLEN approfitta tajjeb mill-ispazju li kellu u permezz ta’ xutt djagonali spara ġewwa.
Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, is-Slovakki komplew ikabbru l-iskor meta l-ballun waqa’ f’saqajn is-sostitut MICHAL TOMIC li minn 10 metri bogħod spara l-ballun fir-rokna tax-xibka.
Fl-54 minuta, aċċertaw mir-rebħa meta skorjaw ir-raba’ goal permezz ta’ auto-goal ta’ Pedrao li fit-tentattiv li jikklerja xeħet bir-ras fix-xibka tiegħu stess.
U tliet minuti wara, Trnava għamluhom 5-1 meta n-Niġerjan PHILIP AZANGO temm azzjoni personali b’xutt minn barra l-kaxxa … biex il-partita ma kien fadlilha l-ebda storja.
Spartak Trnava: 1-Ziga Frelih, 2-Patrick Nwadike, 24-Kristian Kostrna, 33-Filip Twardzik, 4-Libor Holik (27-Michal Tomic 46), 6-Roman Prochazka, 28-Giorgi Moistsrapishvili (14-Milos Kratochvil 46), 29-Martin Mikovic, 11-Philip Azango (18-Hilary Gong 65), 57-Michal Duris (23-Erik Daniel 85), 7-Stefan Skrbo (19-Timotej Kudlicka 65) – Coach: Michal Scasny
Hibernians: 1-Laurentiu Branescu, 3-Charleston (16-Aiden Zammit 45), 23-Matthew Ellul, 31-Pedrao, 14-Dexter Xuereb (10-Jurgen Degabriele 64), 21-Alex Bruno, 11-Bjorn Kristensen (20-Ayrton Attard 72), 8-Pedro Cacho (6-Lucas Caruana 64), 13-Pablo (22-Duane Bonnici 72), 9-Miullen, 7-Lucas Villela – Coach: Branko Nisevic
Referee: Pavle Ilic (Serbja)
assistenti: Svetozar Zivin, Bojan Banovic (Serbja)
Raba’ Uff.: Stanko Ostracanin (Serbja)
Skorers: L. Holik 4, S. Skrbo 13, M. Tomic 47, Pedrao 54 o.g., P. Azango 57 (ST); Miullen 37 (H)
Ammoniti: G. Moistsrapishvili, M. Mikovic, R. Prochazka (ST); P. Cacho (H)