Minn Cristian Muscat
Hamrun Spartans jilagħbu l-ħames logħba mil-League Phase tal-UEFA Conference League meta fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali jospitaw lill-Ukreni ta’ Shaktar Donetsk.
It-tim immexxi minn Giacomo Modica ġej minn rebħa tajba ta’ 3-1 kontra Lincoln Red Imps ta’ Ġibilta’ f’logħba li huma kienu qed jitilfu iżda rnexxielhom jdawru l-iskor favurihom.
Din se tkun logħba oħra għaċ-champions Maltin wara telfiet identiċi ta’ 1-0 kontra Jagiellonia Bialstok u Lausanne u telfa oħra ta’ 3-0 kontra Samsumspor iżda rebħa ta’ 3-1 kif għedna kontra Lincoln Red Imps.
Fil-kampjonat, Ħamrun Spartans jinsabu fit-Top Six fejn s’issa qed ikollhom wirjiet tajbin ħafna għalkemm fil-kompetizzjoni tal-MFA Jubilee Cup, huma ġew eliminati minn Valletta FC.
Kumplessivament fil-klassifika bħalissa l-Ispartans jinsabu fit-30 post filwaqt li Shaktar Donetsk jinsabu fir-raba’ post b’disa’ punti. Dawn tal-aħħar huma mill-Ukrajna fejn matul din il-kompetizzjoni, rebħu lil Aberdeen 3-2, lil Bredablik 2-0 u Shamrock Rovers 2-1 għalkemm tilfu 2-1 f’darhom kontra Legia Warsaw. Huma skorjaw tmien gowls u qalgħu ħamsa f’din il-kompetizzjoni.
Bħalissa fil-kampjonat, it-tim minn Donetsk jinsabu fl-ewwel post b’31 punt minn 14-il logħba. It-tim hu mmexxi minn Arda Turan li għandu 38 sena u niftakruh jilgħab mat-tim nazzjonali Tork fejn deher mitt darba eżatt għal pajjiżu apparti li kellu esperjenza bħala plejer ta’ nofs il-grawnd ma’ Galatasaray, Atletico Madrid u Barcelona. L-aqwa skorer tal-Ukreni hu l-attakkant Kaua Elias li skorja ħames gowls staġjonali bil-Ħamruniżi li jridu joqogħdu ħafna attenti għalih.
Il-kowċ Giacomo Modica ma jistax jinkludi lil Vincenzo Polito li jinsab sospiż u għalhekk postu jista’ jieħdu ż-żagħżugħ Sven Xerri li diġa’ kellu ċ-ċans jilgħab f’din il-kompetizzjoni.
Min-naħa ta’ Shaktar Donetsk, il-kowċ Arda Turan jista’ jilgħab bl-aqwa formazzjoni possibbli hekk kif la għandu plejers sospiżi jew inkella mweġġa’. L-istess Turan se jieħu din il-partita b’kawtela kbira fejn minkejja li huma favoriti li jiksbu t-tliet punti, mhux qed jafda lit-tim Malti.
Il-partita se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali u tibda fid-9pm.

