Thursday, August 28, 2025

Conference League: Illum Hamrun Spartans jistgħu jiktbu l-istorja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans jinsabu partita ‘l bogħod milli  jiktbu l-istorja fil-football Malti meta llum, f’Riga, jilagħbu t-tieni leg tal-play-off tal-UEFA Conference League, kontra Rigas FS tal-Latvja.

L-ewwel leg intlagħab, nhar il-Ħamis li għadda, fl-Istadium Nazzjonali, bl-Ispartans joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.

Kien Eder li wara li qabeż difensur serva lil Joseph Mbong li xeħet cross insidjuż, fejn kien hemm Saliou Thioune, li kien pront għeleb lill-goalkeeper avvesarju, Marko Maric, liema goal jista’ jkun il-biljett biex il-Ħamruniżi jissiġillaw posthom fil-Fażi tal-Kampjonat.

Il-coach ta’ Hamrun Spartans, Giacomo Modica, faħħar il-wirja tat-team f’Ta’ Qali u saħaq li fit-tieni leg, il-players iridu jibqgħu konċentrati sas-suffara finali … hekk kif din il-partita hija l-akbar waħda fl-istorja tal-club.

Rebħa jew riżultat ta’ draw jkunu jfis­sru li l-ħolma tal-Ħamruniżi ssir realtá … biex ikunu jistgħu jippreperaw għall-Fażi tal-Kampjonat li fiha jilagħbu sitt partiti – tlieta f’pajjiża u tlieta barra minn xtutna.

Wieħed irid ifakkar il-logħbiet kollha li fihom il-Ħamruniżi rreġistraw rekord li f’temp ta’ xahar u nofs lagħbu fit-tliet kompetizzjonijiet … li jinkludu wkoll lill- UEFA Champions League u lill-UEFA Europa League … kif ġej:

L-ewwel żewġ konfronti tal-UEFA Champions League kienu kontra FK Zalgiris li spiċċaw b’aggregate ta’ 2-2 (0-2, 2-0) biex il-kwalifikazzjoni kellha tiġi  deċiża bil-penalties li kienet waħda maratona fejn ingħataw xejn inqas minn 28 wieħed … bl-Ispartans jittrijonfaw bl-iskor ta’ 11-10.

Imbagħad, fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni huma ffaċċjaw lit-team qawwi ta’ Dinamo Kiev tal-Ukrajna.

Fil-veritá, dehret id-differenza bejn iż-żewġ timijiet hekk kif l-Ukreni ħarġu rebbieħa bl-aggregate ta’ 6-0 meta f’kull leg rebħu bl-iskor identiku ta’ 3-0. It-tieni leg intlagħab fil-belt newtrali ta’ Lublin, fil-Polonja, minħabba l-konflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja.

B’din it-telfa, l-Ispartans ġew relegati għall-UEFA Europa League fejn iffaċċjaw lil Maccabi Tel Aviv ta’ Iżrael b’dawn tal-aħħar jgħaddu għat-tielet round ta’ kwa­lifikazzjoni bl-aggregate ta’ 5-2 (2-1, 3-1). It-tieni leg intlagħab fil-belt newtrali ta’ Backa Topola, fis-Serbja, minħabba l-kunflitt bejn Iżrael u Gaża.

Min-naħa tagħhom, Rigas FS kel­lhom l-istess vjaġġ tal-Ispartans – fil-UEFA Champions League huma eliminaw lil Levadia Tallinn tal-Estonja bl-aggregate ta’ 2-0 iżda mbagħad tilfu bl-aggregate ta’ 5-1 kontra Malmo tal-Isvezja. 

Fil-UEFA Europa League, huma sfaw eliminati minn Kups tal-Finlandja bl-aggregate ta’ 3-1. 

Fil-kampjonat tal-Latvja, RFS jinsabu fit-tieni post tal-klassifika hekk kif jinsabu fl-eqqel tiegħu u matul dawn il-jiem ma kinux impenjati biex jipprepraw sewwa għal din il-partita.

L-Ispartans iridu jagħrfu kif se jrażżnu lill-attakkant Serb, Darko Lemajic, li skorja 21 goal staġjonali.

Din il-logħba se tintlagħab f’LNK Sporta Parks, fis-7.00 pm, u se tintwera diretta fuq TVMSports+.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport