Minn Cristian Muscat
Floriana jilagħbu l-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League hekk kif barra minn xtutna llum jaffrontaw il-qawwa tat-team mill-Kosovo, Ballkani, fil-Fadil Vokrri Stadium, fil-belt ta’ Pristina.
It-team immexxi mill-coach Portugiż, Daniel Portela, ġej minn kwalifikazzjoni ferm importanti wara li elimina lit-team minn Wales, Haverfordwest County, b’aggregate ta’ 5-3.
Fil-fatt wara li l-ewwel leg, li ntlagħab fis-Centenary Stadium, il-Greens ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, huma rebħu wkoll it-tieni leg li ntlagħab f’ Parc-Y-Scarlets, fil-belt ta’ Llanelli bl-iskor ta’ 3-2.
U fiż-żewġ okkażjonijiet, Floriana dawru telfa f’rebħa hekk kif kienu l-avversarji li skorjaw l-ewwel.
Barra minn hekk, il-Greens ingħataw penalty fiż-żewġ logħbiet … u Jake Grech skorja ż-żewġ goals mill-11-il metru … biex sar l-24 player mit-timijiet Maltin li skorja fiż-żewġ legs kontra l-istess avversarji.
Dawn wara li huwa skorja fiż-żewġ legs għal Hibernians ontra SS Folgore, f’Lulju 2021, f’din l-istess kompetizzjoni.
Fit-tieni leg, Haverfordwest kellhom liż-żewġ players imkeċċija – Alaric Jones u Rhys Abbruzzese.
B’hekk Floriana eliminaw żewġ timijiet minn Wales, bl-ieħor ikun Aberystwyth Town (2-2 2-1), f’Ġunju, 2025, fit-Tazza Intertoto.
Intant, il-coach Portela kien ferm sodisfatt bil-wirja u d-determinazzjoni tal-players hekk kif wara li kienu fi żvantaġġ ta’ żewġ goals, kulħadd antiċipa eliminazzjoni minħabba li l-Furjaniżi kellhom ostaklu kbir quddiemhom biex jissuperaw. Iżda b’determinazzjoni kbira huma kisbu dak li ħadmu għalih.
L-uniku punt negattiv minn din ir-rebħa kienet l-injury fil-hamstring ta’ Carlo Zammit Lonardelli.
L-isem tat-team ta’ Ballkani huwa ferm magħruf f’dawn il-kompetizzjonijiet anke mat-timijiet Maltin.
Fil-fatt, fl-istaġun li għadda, Hamrun Spartans iltaqgħu magħhom fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-istess kompetizzjoni, bil-Kosovani joħorġu rebbieħa b’aggregate ta’ 2-0 (0-0 2-0).
Ballkani se jagħmlu d-debutt tagħhom f’din il-kompetizzjoni għal dan l-istaġun wara li fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni għaddew b’mod awtomatiku.
Il-club ta’ Ballkani, imwaqqaf fl-1947, huwa bbażat fil-belt ta’ Suhareke u huwa wieħed mill-aktar rinomati fil-pajjiż hekk kif rebaħ tliet titli konsekuttivi (2022-2024).
It-team jilgħab il-logħbiet tiegħu f’Theranda City Stadium iżda juża wkoll lil Fadil Vokrri Stadium, li jesa 14,000 spettatur, għall-kompetizzjonijiet Ewropej.
It-team huwa mmexxi mill-coach, Orges Shehi, li għandu 47 sena u huwa eks goalkeeper internazzjonali tal-Albanija.
Kien fil-bidu tal-istaġun li għadda li huwa ngħata r-responsabbiltá biex imexxi lit-team.