Balzan illum jilagħbu kontra FC Neman Grodno tal-Belarus, fil-belt ta’ Gyor, valida mill-ewwel leg tat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.
It-team immexxi minn Oliver Spiteri għadu ġej minn kwalifikazzjoni storika wara li elimina lil Domzale tas-Slovenja bl-aggregate ta’ 5-4 … li iżda seta’ kollox ħarablu minn idu.
Il-Balzanin kellhom wirja stupenda fis-Slovenja, tant, li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.
Madankollu, fit-tieni leg huma sfaw fi żvantaġġ ta’ 3-0 sad-90 minuta biex il-partita kellha tmur għall-ħin barrani u kienu wkoll qrib l-eliminazzjoni. Iżda goal André Prates Fausto, fl-94 minuta, kien biżżejjed biex il-Balzanin jgħaddu għal dan ir-round.
Peró, l-istess player huwa sospiż wara li tkeċċa meta ntwera żewġ karti sofor …waħda għax neża’ l-flokk wara l-goal tiegħu u l-oħra wara li kkommetta foul.
Wara din il-logħba, il-coach Spiteri sostna li fit-tieni leg ikkommettew bosta żbalji biex wittew it-triq għat-tliet goals. Hu qal li waħda mir-raġunijiet li attribixxiet għal din it-telfa kienet li forsi l-players irrilassaw iżżejjed wara r-riżultat tajjeb tal-ewwel leg u mentalment għamlu l-kwalifikazzjoni fatta.
Huwa saħaq li dawn l-iżbalji ma jistgħux jiġu ripetuti kontra t-team mill-Belarus minħabba li huwa aktar b’saħħtu u mal-inqas nuqqas ta’ konċentrazzjoni jiġu kkastigati.
Neman Grodno rnexxielhom jikkwalifikaw għal din il-fażi wara li fir-round preċedenti huma eliminaw lil Vaduz ta’ Liechtenstein bl-aggregate ta’ 3-2.
Il-’vantaġġ’ li għandhom Neman huwa li bħalissa l-kampjonat domestku jinsab fl-aqwa tiegħu tant li huma jinsabu jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika flimkien ma’ Dinamo Minsk meta kisbu 32 punt minn 14-il logħba. Huma għadhom ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq l-ospiti Naftan.
Il-coach tagħhom huwa Igor Kovalevich, 55 sena, li jgawdi rispett kbir. Dan minħabba li huwa kien ukoll fir-responsabbiltá tat-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena.
Ir-rebbieħ jilgħab kontra r-rebbieħ bejn NK Celje (Slovenja) u Vitoria SC (Portugall).
Il-partita se tintlagħab fi Gyirmoti Stadium li jesa’ 8,500 spettatur u tibda fit-8.00 pm.