Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta b’inizjattiva ġdida edukattiva u kulturali fejn qed jgħaqqad klassijiet tal-iskola primarja tal-Belt ma’ dawk f’Rahovec, Kosovo permezz ta’ tekonoloġija f’konferenzi online.

L-inizjattiva, msejħa “Connecting Classrooms: Bridges of Culture and Innovation” tippermetti lit-tfal mill-Belt Valletta u dawk minn Rahovec fil-Kosovo jaqsmu u jesploraw il-kulturi, esperjenzi fil-klassi u dawk edukattivi ta’ xulxin. L-għan huwa li t-tfal jibnu dawn l-esperjenzi minn pajjiżi oħra u rispett reċiproku li jippromwovi l-inklużività u d-diversità.

Is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, qal: “Din l-inizjattiva turi l-impenn tagħna biex inkomplu nsaħħu esperjenzi kulturali u edukattivi bejn il-Belt Valletta u l-komunitajiet barra minn xtutna. Flimkien mal-Ambaxxatriċi ta’ Malta fil-Kosovo, iddiskutejna dan il-proġett u llum qed isir realtà. Se nkomplu naħdmu għal aktar proġetti fil-futur qarib. Nittamaw li permezz ta’ dan il-proġett, it-tfal tagħna jiksbu perspettivi ġodda u japprezzaw id-diversità kulturali.”

L-Ambaxxatriċi Dr. Juliana Scerri Ferrante żiedet tgħid, “Permezz ta’ din l-inizjattiva u t-teknologija, l-istudenti u l-edukaturi se jipparteċipaw f’esperjenzi ġodda ta’ tagħlim, li jippermettu interazzjoni u kollaborazzjoni f’ħin reali, li jippromwovi tagħlim aktar profond. Din is-sħubija mhux biss issaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ reġjuni iżda wkoll tistabbilixxi kollaborazzjonijiet futuri fil-qasam tal-edukazzjoni.”

Il-Kap tal-Iskola tal-Belt Valletta, li pparteċipa f’din l-inizjattiva, żied jgħid: “Din hija opportunità eċċezzjonali għall-istudenti tagħna biex jitgħallmu direttament minn sħabhom f’ambjent internazzjonali. Aħna ħerqana li naraw il-ħbiberiji u l- kollaborazzjonijiet li se jinbtu minn dawn is-sessjonijiet ta’ live streaming.”