Illum, fi Stadio Olimpico, tintlagħab il-finali tal-Coppa Italia bejn Fiorentina u l-holders Inter li inċidentalment jinsabu fiż-żewġ finali Ewropej tal-UEFA Conference League u tal-UEFA Champions League rispettivament … kontra timijiet Ingliżi.
Filwaqt li Fiorentina se jilagħbu kontra West Ham, fis-7 ta’ Ġunju, Inter se jaffrontaw lil Manchester City, tlett ijiem wara.
Fl-aħħar partita tagħhom, in-Nerazzurri ppreżentaw team mibdul fit-telfa ta’ 3-1 kontra Napoli minħabba li l-konċentrazzjoni tagħhom hija fuq dawn iż-żewġ finali.
U biex l-affarijiet ikomplu jiġihom tajjeb, din it-telfa ma kinitx daqstant timporta minħabba li Juventus tnaqqsulhom 10 punti u tniżżlu fis-seba’ post biex l-Interisti issa għandhom ċans kbir li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa.
Anke Fiorentina serrħu bosta players fid-draw ta’ 1-1 kontra Torino u għaldaqstant iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aħjar formazzjoni possibbli.
Peró, Inter se jkunu mingħajr l-imweġġgħin Milan Skriniar u Henrikh Mkhitaryan filwaqt li l-Viola għandhom lil Salvatore Sirigu nieqes għall-istess raġuni.
Inter jimmiraw għad-disa’ darba filwaqt li Fiorentina jimmiraw għas-seba’ suċċess ta’ din il-kompetizzjoni.