Franza kkonfermat l-ewwel każ ta’ persuna li rriżultat pożittiva għall-varjant tal-Covid-19 li riċentement kien identifikat fir-Renju Unit.
Il-Ministeru għas-Saħħa ta’ Franza qal li l-persuna inkwistjoni huwa ċittadin Franċiż li kien wasal minn Londra fid-19 ta’ Diċembru.
Il-Ministeru qal li l-pazjent kien asintomatiku u kien f’iżolament fid-dar tiegħu.
Il-varjant ġdid tal-coronavirus fl-Ingilterra wassal biex għexieren ta’ pajjiżi jimponu restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar.
Franza għalqet il-fruntiera tagħha, madankollu temmet ir-restrizzjonijiet nhar l-Erbgħa b’kundizzjoni li jkun ipprovdut ċertifikat li l-persuna hija negattiva qabel tivvjaġġa.
Eluf ta’ xufiera ta’ trakkijiet tal-merkanzija qattgħu Jum il-Milied fil-kabini tat-trakkijiet tagħhom f’Kent jistennew biex jaqsmu l-Kanal Ingliż.